Skip to main content

Il-Mixja Fid-Dawl

“Tkunux mela partiċipanti flimkien magħhom, għax darba kontu dlam, imma issa intom dawl fis-Sid. Imxu bħala tfal tad-dawl (għax frott id-dawl jikkonsisti f’kull tjieba, ġustizzja u verità) u provaw skopru x’inhu dak li jogħġob lis-Sid. Tixxirkux fl-għemejjel bla frott tad-dlam, imma aktarx esponuhom, għax hu għajb imqar meta titkellem dwar il-ħwejjeġ li jsiru segretament minnhom. Imma l-ħwejjeġ kollha esposti mid-dawl isiru viżibbli, għax huwa d-dawl li jagħmel kull ħaġa viżibbli. Għaldaqstant tgħid: ‘Stenbaħ, ja rieqed, qum mill-imwiet, u Kristu jiddi fuqek’” (Efesin 5:7-14).

Pawlu jamplifika fuq xi kwalità ta’ mixja, jew komportament, il-knisja obbligata tadotta tul il-pelleġrinaġġ tagħha. Hi mixja denja tas-sejħa tagħna, fl-unità u s-sliem, mixja ta’ bniedem ġdid, mixja fl-imħabba, u issa mixja fid-dawl, li huwa s-simbolu tal-qdusija.

Jadotta linja ta’ argument simili għal qabel. “Darba...imma issa!” Il-Mulej irid mhux biss nastienu mid-dnubiet li inevitabbilment iqanqlu d-dispjaċir u l-korla t’Alla (li ma jistax jagħmel kompromessi mad-dnub), imma aktar minn hekk, jurina d-dmir sagrosant tagħna li ngħixu bħala “wlied id-dawl.” Ladarba dawl, nimxu fid-dawl. Ladarba meħlusin, ingawdu l-ħelsien. Dal-lingwaġġ ifakkarna fis-salvataġġ sopranaturali ta’ Iżrael, l-ewwel mill-jasar Eġizzjan u aktar tard mill-kaptività f’Babel. 

L-Iskrittura tpenġi l-umanità, barra l-grazzja fi Kristu, bħala suġġetta għal qawwet id-dlamijiet, il-ħakma tirannika ta’ Satana. Il-fidili huma emanċipati mill-ordni ta’ did-dinja preżenti, u miġjuba taħt id-dominju u l-protezzjoni ta’ Bin Alla. 

Il-metafora tad-dawl hi adatta immensament hawnhekk. Band’ oħra Pawlu jitkellem dwar id-dawl tal-evanġelju li jiddi fid-dlam u jippenetra l-għama ta’ dawk li jinsabu fit-triq wiesa’ tat-telfien.

Bħala riżultat tal-unjoni tal-fidili ma’ Kristu, “id-dawl tad-dinja” (Ġwanni 8:12), issa aħna li nsegwuh sirna, f’sens sekondarju u derivattiv, “id-dawl tad-dinja” wkoll (Mattew 5:14) – id-dawl rifless tiegħu fuqna.

Min għandu bżonnu d-dawl? Kristjan matur diġà qed jimxi fih, u hekk imissu jkompli jagħmel. Imma d-dawl jeħtieġu wkoll dak il-Kristjan li forsi għadu qed jikkomprometti ruħu, u jimxi fil-penumbra. “Stenbaħ, ja rieqed, qum mill-imwiet, u Kristu jiddi fuqek” (Efesin 5:14). 

Dan kmand. B’daqshekk mhuwiex implikat li l-bniedem kapaċi jobdih, imma għax huwa d-dover tiegħu. Biss meta aħna konvertiti lejn il-Mulej insibu s-setgħa u l-motivazzjoni fih biex niskopru dak li jaqla’ l-approvazzjoni tiegħu. Fl-istess ħin nidentifikaw, nesponu u nikkundannaw l-opri inutli u bla siwi, ta’ ħsara u dannu għar-ruħ. 

Vokazzjoni tremenda! F’das-sens ninfirdu mill-infidili: mhux fiżikament (Kristu kien jagħmilha mal-pubblikani u n-nisa tat-triq), imma moralment.

Talba: “Tħallinix nongħos jew saħansitra norqod għar-realtà spiritwali, okkorrenza pjuttost komuni. Ħa tkun il-grazzja tiegħek kompletament operattiva fija, biex mejjet għad-dnub, ngħix għalik, Mulej. U nitolbok ukoll għal dawk mhux riġenerati, li għadhom fil-kalzri. Ibgħatilhom id-dawl; ibgħatulhom permezz tiegħi. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...