Skip to main content

Il-Messaġġ u l-Messaġġier

“Minħabba f’hekk, billi għandna dal-ministeru, bħalma sibna ħniena, ma naqtgħux jiesna. Aktarx, irrenunzjajna l-intriċċi sigrieti u vergonjużi, bla ma nimxu bl-astuzja u lanqas inbagħbsu b’kelmet Alla, iżda bil-manifestazzjoni tal-verità nirrikmandaw lilna nfusna lill-kuxjenza tal-bnedmin kollha f’għajnejn Alla. U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla” (2 Korintin 4:1-4).

Messaġġ mingħajr messaġġier jibqa’ rieqed; ma jasalx fid-destinazzjoni mixtieqa. Pawlu jqis iċ-ċarġ jew kummissjoni li rċieva bħala diakonia, qadi (litteralment djakunat). Primarjament jaqdi ’l Alla bħala servjent – doulos – billi jilħaq lil ħaddieħor bl-eċċellenza tal-evanġelju. Jgħodd lilu nnifsu bħala reċipjent ta’ ħniena, kwalifikat għall-ministeru biss bil-miżerikordja t’Alla lejh. 

Għaldaqstant jippersisti fil-ħidma, ma jitwarrabx fil-ġenb, ma jċedix. Jaf li l-afflizzjoni se tkun parti integrali mill-ministeru. Ma jarmix it-tama għax il-ministeru tal-patt il-ġdid, fil-qawwa tal-Ispirtu, hu tant eċċellenti, dinamiku u siewi. Il-Mulej jgħinu jippersevera. L-aħjar evanġelist jaqta’ jiesu mingħajr is-sostenn divin.

Hu raġel integru, sinċier, dipendibbli: l-istess fil-privat bħalma hu fil-pubbliku, trasparenti fir-relazzjonijiet tiegħu. Għalliem falz għandu x’jaħbi fil-motiv, fil-manjieri u l-metodi. Jgħid mod fis-sigriet u mod ieħor lill-kongregazzjoni. Għal Pawlu, trikkijiet, diżonestà u dupliċità ma jeżistux. Jekk issirlu investigazzjoni mill-awditur, joħroġ bl-unuri. 

Hu strettament fidil ma’ Sidu li fdalu d-depożitu tal-Kelma bħala amministratur tiegħu. Isejjaħlu “l-evanġelju tagħna,” għax salvat bih, hu strumentali biex jippritkah, iħobbu, ossessjonat bih u fdat bih. Ma jħassarx l-evanġelju b’tagħlim ivvintat mill-bniedem, jew b’filosofija mondana, għax il-filosofija storikament uriet lilha nfisha ripetutament kemm hi mfawra b’argumenti iżda nieqsa mill-konklużjonijiet. 

X’kuntrast joffri l-appostolat ta’ Pawlu! Faċli jilħaq il-kuxjenza għax ma jibżax iħabbar: “Hekk jgħid il-Mulej!” Ħajja dritta u messaġġ awtentiku dwar Kristu msallab huma r-rakkomandazzjonijiet kollha li l-ministru t’Alla għandu bżonn quddiem il-bnedmin. 

Talba: “Missier, fil-ministeru li fdajt f’idejja, biegħed minni l-intriċċi u l-gażibi. O li nkun integru quddiemek! Tħallini qatt niddiġenera hekk li nsir merkant jew negozjant tal-erwieħ, li nuża r-reliġjon biex navvanza lili nnifsi. Ħa jkun kull għemil tiegħi motivat mill-imħabba tiegħek lejna l-bnedmin, f’ġieħ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...