Skip to main content

Bil-Fidi

“U qal: ‘Tassew, nerġa’ niġi għandek bħal daż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha tifel.’ U Sara semgħet dan fil-bieb tat-tinda, li kienet warajh. Issa sew Abraħam u sew Sara kienu mdaħħlin fiż-żmien, u kien inqata’ għal Sara dak li soltu jkollhom in-nisa. Għalhekk Sara daħqet f’qalbha billi qalet: ‘Wara li xjaħt se jkolli l-hena; u sidi hu hekk xiħ ukoll!’ U l-Mulej qal lil Abraħam: ‘Għaliex daħqet Sara billi qalet: “Tassew niled tarbija, meta jien xjaħt?” Ewwilla hemm xi ħaġa tqila ħafna għall-Mulej? Bħal daż-żmien sena nerġa’ niġi għandek, u Sara jkollha tifel.’ Imbagħad Sara ċaħdet billi qalet: ‘Ma dħaqtx,’ għax kienet beżgħana. Hu qal: ‘Iva, dħaqt’” (Ġenesi 18:10-15)

Martin Luther King, bil-bravuri immaġinattivi tiegħu, kontra kull konvenzjoni, bilfors jieħu t-trofew bħala pijunier tal-fidi. Jgħid, “F’nofs perikli mortali ħassejt kalma ġewwiena u għaraft riżorsi ta’ qawwi li Alla biss kapaċi jagħti…Wara l-bixriet ħorox tad-dinja hemm Monarka beninn…Is-sofferenzi u l-mumenti agonizzanti li minnhom għaddejt tul dawn l-aħħar ftit snin ressquni eqreb lejn Alla. Aktar minn qatt qabel ninsab konvint mir-realtà t’Alla personali.”

Jekk dal-pastor, għall-imħabba lejn ħutu, sab ruħu fuq il-front tal-battalja, u l-viċendi tiegħu għadhom jidwu sal-lum, oħrajn, tal-istess stoffa bħalu, esprimew il-fidi tagħhom xort’ oħra. Helen Keller waħda minnhom. “Nemmen,” qalet, “li Alla jinsab fija bħalma x-xemx hi fil-lewn u l-fwieħa ta’ fjura – id-dawl fid-dalma tiegħi, il-Leħen fis-Silenzju tiegħi.” Għax il-fidi hi t-tajra li tħoss id-dawl meta x-xemx għadha ma xirfitx minn wara l-orizzont.

Il-fidi sservina bħala r-rabta tagħna ma’ Kristu. Mhix fidi f’elf oġġett, jew f’idoli muti, imma fil-Feddej li b’mewtu lliberana minna nfusna u issa hu ħaj għal dejjem ta’ dejjem. Is-sodizza, il-permanenza, is-sigurtà tinsab fih, mhux fina, u lanqas fil-fidi tagħna. Il-fidi tagħna tgħaddi minn tlajja’ u nżul, bħalma għamlet ta’ Sara meta semgħet illi l-Mulej kien se jagħtiha tarbija avolja kienet ħawlija. Malli semgħet il-wegħda li se jkollha tarbija fi xjuħitha, ma setgħetx tniżżilha. Apparentement, aktar tard emmnet. “Bil-fidi wkoll Sara nfisha rċeviet l-abbiltà tikkonċepixxi, saħansitra meta kien skadielha ż-żmien, ġaladarba kkonsidratu fidil lil dak li wiegħed” (Ebrej 11:11). 

Il-fidi tista’ tissaħħaħ u tiddgħajjef. Tissara tul perjodi dubjużi. Taħbat tiżvijja u titlef id-direzzjoni, meta suppost tibqa’ strettament fuq il-mogħdija d-dejqa. Ġie li tagħmel gabrijoli insensati, imma dejjem tirritorna. Hi lil hinn mil-loġika, jew aħjar, għandha loġika pekuljarment tagħha, għax imqar wara li togħtor jew tiżvijja, tgħid, “Sid, għand min se mmur? Int għandek kliem il-ħajja eterna, u jien emmint u sirt naf illi int il-Qaddis t’Alla” (cf., Ġwanni 6:68-69). Hekk il-fidi hi intuwittiva. Għandha sens ta’ direzzjoni intrinsika mibnija fiha nfisha. 

Talba: “O Missier, ħalli l-fidi tiegħi tkun informata mill-Iskrittura; ħa tniżżel għeruqha fi Kristu u tinbena fuqu. Biha agħtini li nsib it-triq lejn id-dar, bla ma nitħabbel f’saram dannuż għal ruħi. Jekk b’xi mod tperper, agħtini illi biha nibqa’ nara lis-Salvatur, u bħal stendard fiż-żiffa, tibqa’ s-simbolu tal-vittorja, maqlugħa għalija fuq il-Kalvarju.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...