Skip to main content

Alla Ta' Ġakobb Favur Tagħna

“Il-baħar ra dan u ħarab; il-Ġordan reġa’ lura. Il-muntanji qabżu bħal kbiex, u l-għoljiet iż-żgħar bħal ħrief. X’ħassejt, ja baħar, biex ħrabt? U int, Ġordan, għaliex erġajt lura? U intom muntanji, għaliex qbiżtu bħal kbiex, u intom għoljiet żgħar bħal ħrief? Triegħed, art, quddiem is-Sid, quddiem Alla ta’ Ġakobb, li jbiddel il-blat f’għadira ilma, u ż-żniet f’għajn tal-ilma” (Salmi 114:3-8).

Alla feda l-poplu Iżraelita biex il-poplu jsir tiegħu, santwarju għalih u demanju tiegħu. Immanifesta l-preżenza tiegħu fosthom. It-tabernaklu, u aktar tard it-tempju, servew bħala simboli tal-preżenza tiegħu; mill-Qaddis tal-Qaddisin iddiet ix-Xekina, il-kolonna glorjuża ta’ dawl mis-sema.

Meta Alla jibda jagħmel il-ġid għal ruħna, ikomplih u jipperfezzjonah. Ma jħallix xogħlu bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa. Is-salm kollu hu prova ta’ dan. It-tfixkil (li fis-salm ma jissemmiex) huwa biss in-nuqqas ta’ fidi. Imma Alla hu marbut bil-patt u l-ħalfa li jibqa’ jagħmlilna l-ġid il-jiem kollha ta’ ħajjitna. L-ingaġġiment tiegħu ma jistax ifalli, minkejja r-rispons fqir u ingrat tagħna. Il-provvediment t’Alla f’Kades hu wirja tal-qawwa u l-kumpassjoni tiegħu. 

Meta nikkonsidraw kemm hu glorjuż Alla u kemm huma meraviljużi l-perfezzjonijiet tiegħu, m’għandniex għalfejn inkunu sorpriżi bir-riżultati stupendi prodotti mill-preżenza manifestata tiegħu.

Meta Alla jeħles lil niesu, ebda oppressjoni ma tista’ tfixkel. La jippossedihom b’dak li jkun wegħidhom, ebda impediment ma jista’ jopponih, lanqas it-tirannija tal-mewt. Fil-mixja u l-avvanz tal-knisja ebda poter ma jista’ jiqfilha hekk li jarresta ħidmet Alla.

Ladarba l-Mulej waqqaf l-ilmijiet tal-Ġurdan biex niesu jaqsmu għan-naħa l-oħra, u jippossiedu l-Art Imwiegħda, bl-istess mod jinnewtralizza l-kurrent tal-mewt biex niesu ma jinġarrux minnu. Ċertament jiftħilna passaġġ sikur biex nidħlu fil-wirt tas-sema.

Iva, evidentement għandna tama invinċibbli għall-futur. Każ brillanti ta’ meta “l-investiment jista’ biss jogħla, u l-passat hu garanzija tal-futur.” Mar-riġenerazzjoni ngħaddu għat-taqdis, u t-taqdis hu l-mogħdija għall-glorifikazzjoni; minn bidu tajjeb għall-tmiem aħjar. “Alla ta’ Ġakobb” hu favur tagħna. Ladarba Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?

Talba: “Mulej setgħani, aħna nirraġunaw illi jekk il-preżenza divina tħalli effett hekk tremend fuq ħwejjeġ inanimati, kif imissha topera fuq bnedmin razzjonali u kontabbli lejk? Ħa nibżgħu, b’timenza qaddisa, fil-preżenza tiegħek, fid-dinja bil-providenza tiegħek, u fil-kuxjenza tagħna bl-Ispirtu tiegħek, sabiex hekk ikollna tama u kuraġġ fil-jum meta tqum biex theżżeż l-art terribbilment. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...