Skip to main content

Alla Favur Tagħna

“X’ħa ngħidu mela għal dan? Jekk Alla favur tagħna, min jista’ jkun kontrina? Hu li ma ffrankahiex lil Ibnu stess, anzi ċedieh għalina lkoll, kif mhux se jagħtina liberament ukoll miegħu l-ħwejjeġ kollha? Min se jġib xi akkuża kontra l-magħżulin t’Alla? Alla hu dak li jiġġustifika. Min hu li jikkundanna? Kristu Ġesù, li miet – u aktar minn hekk, hu rxoxtat għall-ħajja – hu fuq il-leminija t’Alla, u qiegħed ukoll jinterċiedi għalina” (Rumani 8:31-34).

Fl-għamla tagħha din mhix wegħda diretta, imma fil-fatt hi. Anzi, tiġbor fiha iżda minn wegħda waħda: hi ħażna sħiħa ta’ wegħdi. Hi munzell ta’ żmeraldi, djamanti u rubini, interzjat fi gwarniċ tad-deheb. B’din il-mistoqsija rettorika, Pawlu jisfidana biex ma nkunux iżjed ansjużi. 

X’jista’ jiċħdilna l-Missier, jekk diġà tana b’xejn l-aħjar, l-eqreb u l-egħżeż li għandu, lil Ibnu l-waħdieni stess? Jekk ikollna bżonn il-ħwejjeġ kollha fis-sema u fl-art, jirregalahomlna. Kieku Alla ried ipoġġi xi limiti fuq imħabbtu favur tagħna, ma kienx jasal biex jagħtina lil Iben uniġenitu tiegħu.

Xi rrid illum? Jeħtieġ biss nitlobha. Jista’ jkun li jkolli nitlob bil-perseveranza u ħeġġa sħiħa, iżda m’għandix għalfejn nuża pressjoni, bħallikieku l-Mulej se jagħtini għotja kontra r-rieda tiegħu. Il-Mulej jagħtina b’xejn. Mingħajr ħadd ma ġiegħlu, tana lil Ibnu. Ċertament ħadd ma kien jissupponi jew jimmaġina t-tali għotja mingħandu. Ħadd ma kien jissogra jitlob għotja eċċezzjonali bħal din. Ħadd ma kien se jkun daqshekk prużuntuż. Tana b’xejn l-Iben il-waħdieni tiegħu. 

Ruħ tiegħi, m’intix tafda ’ll-Missier tas-sema biex jagħtik kwalunkwe ħaġa? It-talb fqajjar tiegħek ma kien ikollu ebda forza quddiem Alla omnipotenti kieku hemm bżonn il-forza. Iżda l-mħabba, bħall-molla, togħla minnha nfisha, u tfur biex tissupplixxi ħtiġijietek kollha.

Talba: “Abba Missierna, b’liema feliċità tfawwar qlub uliedek! B’liema beatitudni żżejjen ir-ruħ tagħna! Darba konna bħal trabi mormija, u int għaddejt minn ħdejna u għidt, “Għixu!” Fejjaqtna u libbistna lbies ta’ żina. U avolja nqasniek bqajt tħobbna, għax imħabbtek hi tabilħaqq invinċibbli. Bħalma ġbidtna lejk, hekk ibqa’ żommna. ħalli hekk nagħrfu l-assigurazzjoni ta’ tamitna. Ħalleluja!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...