Skip to main content

Stqarrija u Maħfra

“Stqarrejtlek dnubi u l-ħażen tiegħi jien ma ħbejtx. Jien għidt, ‘Nistqarr ħtijieti lill-Mulej,’ u int ħfirtli l-ħażen ta’ dnubi. Għalhekk kull min hu twajjeb jitlob lilek f’kull ħin li int tista’ tinstab, u l-ilmijiet kotrana jekk ifuru qatt ma jilħquh. Int il-kenn tiegħi; int tħarisni mit-taħbit. Int iddawwarni bl-għana tal-ħelsien. Jien ngħallmek u nurik it-triq li minnha għandek tgħaddi; inwissik, u nżomm għajnejja fuqek. La tkunux bħaż-żiemel jew bħall-bagħal, li m’għandhomx sens, li ħalqhom jinżamm bl-ilġiem u r-riedni, altrimenti ma jersqux lejk” (Salmi 32:5-9).

L-istqarrija ġġib il-maħfra, u ferħ mal-maħfra. X’inhi l-istqarrija tad-dnub? Hi parti mill-homologia, jew għarfien, tas-sovranità t’Alla. Hi l-ammissjoni tal-ħtija meta kkonfrontat bil-karattru u r-rieda rivelata t’Alla, irrispettiv tirriżultax fil-maħfra jew le.

Se nikkonċentraw fuq ir-relazzjoni tal-fidil m’Alla. Il-fidil, li żvijja, jerġa’ jikseb il-qagħda mbierka tiegħu, billi jagħraf li diġà hu ġustifikat quddiem l-Imħallef. Jirrealizza l-futilità meta jipprova jieqaf kontra d-dixxiplina ta’ Missier li jħobbu, u allura jibqa’ jsawtu sakemm jaħrab jiġri fi ħdanu. Sempliċement jiffaċċja dnubu u jimplimenta l-metodu stabbilit mill-Mulej għas-solliev u maħfra esperjenzjali. 

“Min jostor ħtijietu ma jkollux risq, imma min jistqarrhom u jabbandunahom jaqla’ l-ħniena” (Proverbji 28:13). Il-fidil jikkonvinċi ruħu kemm il-Mulej (li kapaċi jkun qalil mal-ħażen) hu mimli mogħdrija u maħfra. U jaħfer bl-iskop biex aħna jkollna riverenza lejh, mhux nabbużaw mill-kumpassjoni tiegħu.

Il-Mulej iwiegħed lil min jissottometti għalih li jiggwidah. Ma jridx minna ubbidjenza sforzata jew imqanżħa. Il-ġusti għandhom jisimgħu bi mħabba u gratitudni.

Kategorikament, il-fidil jitgħallem fil-mixja tiegħu mal-Mulej, fit-tlajja’ u l-inżul tagħha. Triq il-Mulej hi waħda; meta noħorġu minnha jgħarrielna. Jaqbel li malajr nerġgħu lura, bla ma noqogħdu nittratienu jew inkewtlu. Għandna inċentiv qawwi fil-ħniena superba tiegħu, esibita fuq il-Golgota. Hemm hu l-ferħ, għal min ma jwebbisx rasu.

Talba: “Mulej, tajtni moħħ u bih sikwit ilqajt ħsibijiet indenji jew imħassra. Tajtni lsien u bih sikwit gdibt u kont irriverenti. Tajtni riġlejn, idejn u l-membri ta’ ġismi, u mhux darba jew tnejn użajthom bħala għodda għall-ħażen. Aħfirli, Mulej. F’ġieħ ħnientek murija fis-salib ta’ Ibnek, ikkanċella dnubieti kollha, biex nieqaf quddiemek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...