Skip to main content

Rabja u Ġlied

“Il-mibegħda tqajjem il-ġlied, iżda l-imħabba tgħatti l-ħtijiet kollha. Il-ġlied jiġi biss mill-kburija, iżda l-għerf qiegħed ma’ dawk li jieħdu parir. Raġel mgħaddab ixewwex il-ġlied, iżda min ma jagħdabx malajr isikket it-tilwim. Raġel kattiv iqajjem il-ġlied, u wieħed li jagħti l-malafami jifred l-aħjar ħbieb. Aħjar loqma ħobż iebsa u l-kwiet magħha minn dar mimlija ikel u ġlied. Bħalma l-faħam għall-ġamar, u l-ħatab għan-nar, hekk il-ġelliedi biex ikebbes il-ġlied” (Proverbji 10:12; 13:10; 15:18; 16:28; 17:1; 26:21).

Kollox jissewwa, imma hawn min iħobb jintervieni fil-ġlieda biex tkun prolungata, donnu jieħu pjaċir bit-tilwim. Din ir-razza ta’ nies jeħtieġ ngħassu kontriha. Ġlieda jikluha. Kulfejn jarawha, flok iberduha, isaħħnuha. Jista’ jkollok il-ġamar mingħajr faħam, jew in-nar tal-ħatab mingħajr kebs? Daqshekk ieħor hu neċessarju l-bniedem ġelliedi għall-ġlied. Biex tagħmel barbikju, għalxejn tieħu l-grill, is-sulfarini, il-laħam u l-ħwawar, għax jekk m’għandikx ċarkowl kollox se jibqa’ nej. Hekk ukoll, il-ġlied jinqala’ minħabba l-ispirtu bellikuż tal-partijiet involuti, u mhux minħabba ċ-ċirkostanzi u l-kwistjonijiet eżistenti.

Meta kont l-aħħar involut fi ġlieda, f’argumenti sħan, għajjat u kliem iebes? Kif inqalgħet il-ġlieda? Jekk taħseb li tista’ twaħħal f’martek, stenna ftit. Tista’ tistqarr quddiem Alla li int perfett? Ladarba tammetti n-nuqqasijiet tiegħek, għax ma tammettix ukoll li fik għad hemm dak l-ispirtu ġelliedi, il-kawża ta’ ħafna nkwiet? Taħsibx li b’hekk qed inġiegħlek tiskuża l-ħtija tal-persuna l-oħra; kull wieħed minna hu responsabbli quddiem Alla għal kif jirreaġixxi. Iżda int, ibda biex teżamina lilek innifsek, għax tiegħek innifsek trid tagħti kont quddiem Alla.

Minn fejn jisponta l-inkwiet u l-battibekki fil-familja? Minħabba t-tfal, il-ġirien, il-flus jew s-sħana? Le. Il-ġlied ġej minnek li int involut fih. Filwaqt li t-tfal u l-ġirien jistgħu jservu ta’ kenur għall-ġlied, il-kebs hu int! In-nar jaqbad, jaħraq u jeqred kull feliċità, u jibqa’ biss l-irmied ta’ relazzjoni moribonda, jekk mhux mejta. Jalla l-Mulej illum jikkonvinċik mill-ħtija tiegħek, u tagħmel l-ewwel pass konkret biex tasal għal soluzzjoni biblika tal-ġlied li s’issa kont involut fih.

Talba: “Agħmilni, Sid, strument tas-sliem! Kull fejn nara l-mibegħda agħtini l-privileġġ nintroduċi l-imħabba. Fejn jiżgħed id-dissens, użani biex nippromwovi l-unità. Fejn il-ġlied u t-tilwim jiddomina, ħallini ninnewtralizzahom bi spirtu ġwejjed u umli. Żommni mwaħħad miegħek biex inservi ta’ melħ u dawl għan-nies li jafuni.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...