Skip to main content

Ħolqien Ġdid

“Għalhekk aħna, minn issa ’l quddiem, ma nistmaw lil ebda wieħed minn perspettiva mondana. Għalkemm darba stmajna lil Kristu minn perspettiva mondana, madankollu issa ma nafuhx iżjed hekk. Għalhekk, jekk xi ħadd hu fi Kristu, hu ħolqien ġdid. Il-ħwejjeġ qodma għaddew; ara, saru ġodda! Dan kollu hu mingħand Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni” (2 Korintin 5:16-18).

Irridu nitgħallmu nagħmlu enfasi fuq ġudizzju spiritwali u dixxerniment spiritwali fil-ħajja tan-nies u fis-sitwazzjonijiet li nkunu involuti fihom. 

Pawlu tgħallem hu nnifsu u jgħallem lilna biex ma nistmawx u ma nirrikonoxxux lill-bnedmin skont kejl naturali. Intix dixxendent ta’ Abraham, ċirkonċiż, edukat, sinjur, donat, dgħajjef, marradi, injorant – ma tagħmel ebda differenza. Kristu neħħa kull distinzjoni u introduċiena fis-saltna spiritwali tiegħu. L-esperjenza tal-imħabba ta’ Kristu lejna twassalna biex nehdew milli nivvalutaw lill-oħrajn skont l-istandard mondani. Jeħtieġ nidraw inħarsu lejhom mill-perspettiva tal-att kbir t’Alla għas-salvazzjoni tagħna fi Kristu Ġesù.

Meta l-evalwazzjoni tagħna tkun sempliċement “minn perspettiva mondana,” tkun neċessarjament żbaljata. Stmat mill-punto di vista tad-dinja, Kristu nnifsu kien irroftat u mislub bħala midgħi u wieħed li joħloq il-gwaj. Imma mill-perspettiva divina, Ġesù hu l-Messija, Bin Alla, li fih il-ħolqien ġdid u r-rikonċiljazzjoni huma mogħtija bi grazzja. 

Sakemm kien għadu bla fidi, Pawlu nnifsu ħares lejn Ġesù ta Nażaret bħala kontradizzjoni ta’ kulma kien għażiż għalih. Iżda meta Alla għamlu “ħlejqa ġdida,” l-opinjoni u l-konvinzjoni tiegħu nbidlu radikalment. Dak li qabel konna indifferenti lejh issa nsibu interess tremend fih. Kulma qabel bgħadnieh issa nħobbuh. 

Talba: “O Alla tiegħi, int tgħammar fl-eternità u ż-żmien ma jagħmilx bik. Lilna ħlaqtna minn trab tal-art u qegħidtni fl-ispazju u ż-żmien, però f’Ibnek Ġesù tajtna t-tama tal-Ġenna. Nitolbuk, allura, sabiex tgħallimna nħares lejn ir-realtà mill-perspettiva t’hemm fuq, sabiex hekk inkunu tabilħaqq utli hawn taħt. F’isem Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...