Skip to main content

Nibqgħu fid-Dnub?

“Imma jekk l-inġustizzja tagħna sservi biex tiddimostra l-ġustizzja t’Alla, x’se ngħidu? Jaqaw inġust Alla li jixħet ir-rabja fuqna? (Qed nuża’ argument uman.) Ċertament li le! Altrimenti Alla kif se jiġġudika d-dinja? Wieħed jista’ jargumenta, ‘Jekk bil-falsità tiegħi l-verità t’Alla kotrot għall-glorja tiegħu, għaliex għadni jien ikkundannat bħala midneb?’ Għax ma tgħidx - bħalma aħna rapportati b’mod kalunnjuż u bħalma xi wħud jikklejmjaw li aħna ngħidu - “Ħa nagħmlu l-ħażen sabiex jirriżulta t-tajjeb”? Il-kundanna tagħhom hi ġusta” (Rumani 3:5-8).

Huwa fatt stabbilit fit-teoloġija tal-Kristjan illi Alla kapaċi u sikwit jaqleb id-dnub għall-ġid. Ladarba dan minnu, allura m’hemmx iċ-ċans illi nsiru traskurati dwar il-fallimenti tagħna? Inizjalment jista’ jgħaddilek dal-ħsieb, iżda fir-realtà l-omnipotenza u s-sapjenza t’Alla qatt ma jistgħu jsiru skuża biex inkomplu noffenduh. 

Għall-persuna mhix penitenti, id-dnub jaħdem għad-dannazzjoni tagħha. Għal dawk li jħobbu ’l Alla, jirriżulta għall-profitt tagħhom. Bit-tali affermazzjoni, nerġa’ ngħid, wieħed jista’ jiġbed konklużjoni żbaljata, u jaħseb illi jista’ jiċċaċċra mad-dnub jew jgħassed aktar fih. Jirraġunaw bħal ċerti nies fl-antik illi meta semgħu li fejn id-dnub joktor il-grazzja toktor wisq aktar, staqsew, “Nibqgħu fid-dnub biex tiżdied il-grazzja?” (Rumani 6:1). Din loġika perversa, aktar u aktar jekk ġejja minn nies suppost imdawla mill-Ispirtu tal-qdusija. 

Jekk ulied Alla jidhrilhom li jistgħu jbagħbsu mad-dnub għax Alla jaqilbu għall-ġid tagħhom, ngħidilhom din: għalkemm il-Mulej ma jarmihomx fil-kundanna, jista’ jibgħatilhom Infern f’din id-dinja. Kapaċi jixħithom f’aguniji u konvulżjonijiet tar-ruħ, hekk li jqarribhom lejn id-disprament. Ħa jkun dan sejf iżiġġ biex jirrestrinġihom milli jersqu lejn is-siġra projbita. 

It-teoloġija biblika qatt ma tippermettielna naqilbuha għall-vantaġġ midneb tagħna. Alla kien u jibqa’ vindikatur tal-midneb. Wara li l-Babilonja serviet bħala martell f’idejn il-Mulej għal żmien twil biex biha jidrob il-ġnus, hi nfisha sfat midruba. L-Assirja kienet il-ħatar biex biha jbekket lill-poplu tiegħu, iżda aktar tard l-Assirja nfisha sfat imbekkta. Dawn l-imrietel, oħtra, imnanar u strumenti oħra, wara li jkunu wettqu r-rwol tagħhom, bla ma kienu jaf li qed iwettquh, jintremew huma nfushom fin-nar, u maħruqin irmied. 

Ma nistgħux niċħdu illi Satana għamel pjaċir lil Alla filli afflitta lil Ġobb, għadda lil Pietru mill-għarbiel, u ta bil-ponn lil Pawlu. Alla wettaq il-pjan tiegħu: f’Ġobb prova l-integrità u s-sabar tiegħu, f’Pietru naqqieh mill-konfidenza fih innifsu, f’Pawlu rrestrinġieh mit-tendenza illi jitkabbar. Frattant Satana hu riżervat fil-ktajjen, fid-dlam, għar-retribuzzjoni fil-Jum il-Kbir. Hekk ukoll il-midneb. Alla għamel kollox għalih innifsu, imqar il-midneb għall-jum il-ġudizzju (Proverbji 16:4).

Talba: “Missier omnipotenti, triqatek huma lil hinn mill-komprensjoni tagħna. Nirċievu r-rivelazzjoni tiegħek b’fiduċja sempliċi u filjali. Nemmnu illi int waħdek għaref; tkun bluha u ardità jekk nipprovaw nagħtuk parir. Int il-fuħħari; aħna t-tafal. Għaldaqstant ninxteħtu quddiemek b’qima. Agħtina qalb sottomessa għall-preċetti tiegħek, u fomm biex ixandar it-tifħir tiegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...