Skip to main content

L-Eċċellenza tal-Mara

“Mara virtuża kuruna għal żewġha, iżda l-mara bla mistħija hi bħal taħsir f’għadmu. Mara tajba min jista’ jsibha? Għax wisq aktar mill-qroll hi tiswa. Qalb żewġha tafda fiha, u l-ebda ġid qatt ma jonqsu. Ġid u mhux deni tagħmillu l-jiem kollha ta’ ħajjitha...Qerq hi l-ħlewwa, u frugħa l-ġmiel, iżda l-mara li tibża’ mill-Mulej hi dik li tkun imfaħħra. Agħtuha mix-xogħol ta’ jdejha, u ħa jfaħħruha fi bwieb il-belt l-għemejjel tagħha stess” (Proverbji 12:4; 31:10-12,30-31).

Hawn ninġiebu wiċċ imb wiċċ maż-żwieġ, istituzzjoni li waqqaf Alla għall-ġid u l-avvanz tal-bniedem. L-iskop oriġinali t’Alla kien li jirregala sieħba lir-raġel biex tkun il-kumpanija sodisfaċenti tiegħu, li f’kull aspett tikkorrispondi għal miegħu, u flimkien ikunu jistgħu jfasslu u jgħixu ħajjithom.

L-isqof Anglikan, Taylor, iddiskorra fuq il-vantaġġi taż-żwieġ. “Jekk int trid il-pjaċir, iżżewweġ; jekk tapprezza s-saħħa robusta, iżżewweġ. Mara twajba hi l-aħħar u l-aħjar għotja tas-sema lill-bniedem. Għalih hi l-anġlu tal-ħniena, il-ministru ta’ grazzji innumerabbli, il-ġemma ta’ bosta virtujiet, il-kaxxetta tal-ġojjelli tiegħu. Leħinha hu l-oħla mużika u tbissimha tagħmillu l-ġurnata tiddi. Il-bews tagħha jservih ta’ gwarniġġjon għall-innoċenza tiegħu; dirgħajha, il-magħlaq għas-sigurtà tiegħu, il-balzmu ta’ saħħtu u l-eliżir ta’ ħajtu. Il-bżulija tagħha hu l-ġid l-aktar stabbli tiegħu; l-ekonomija tagħha, l-amministrattriċi l-aktar għaqlija tiegħu. Xofftejha huma l-kunsillieri l-iżjed fidili tiegħu. Ħobbha hu l-imħadda l-aktar ratba għall-hemm kollu tiegħu. Talbha hu l-avukat l-aktar kompetenti biex jirbaħlu l-barkiet smewwitija fuq rasu.”

Fiż-żwieġ mela, il-mara taffettwa lir-raġel, bi mġibitha u l-atteġġjament tagħha; u r-raġel b’mod simili jħalli l-marka tal-karattru tiegħu fuq martu. Meta l-mara ġġib ruħha bħala mara eċċellenti u mimlija virtù, din tkun tassew għajnuna għar-raġel. Magħha jkun jista’ jafda s-sigrieti ta’ qalbu, jikxef ħsibijietu u l-pjanijiet tiegħu, għax jaf li se tipprova tgħinu, u mhux tirreżistih u tagħmillu l-bsaten fir-roti. It-tali mara tkun tabilħaqq kuruna fuq ras żewġha. Bil-komportament qaddis u sottomess tagħha tkun qed tistmah bħala sultan. Ħa ngħiduha, hekk għandu jkun, għax imbagħad isibha faċli biex jikkonsidraha bħala s-sultana tiegħu.

Kemm qed tieħu ħsieb il-kuruna tiegħek? Qiegħed tillostraha kuljum b’atti ta’ mħabba u mogħdrija? Qiegħed tieħu ħsieb tnaddaf kull djamant u perla fil-kuruna biex jibqgħu jleqqu? Martek hi mogħtija lilek biex tħobbha, u tistmaha bħala t-teżor tiegħek. Jekk m’intix tagħmel dan, oqgħod attent, għax minflok kuruna, tispiċċa biex issibha tifnik u teħodlok saħħtek.

Talba: “O Alla, int waqqaft iż-żwieġ, patt sagru bejn raġel u mara. Grazzi talli tajtni sieħba biex naqsmu ħajjitna flimkien. Billi aħna imperfetti t-tnejn, nitolbok tgħallimna nissaraw u nsolvu kull problema fid-dawl tar-rieda rivelata tiegħek. Qawwina bl-Ispirtu biex nesperjenzaw il-barka tiegħek. F’isem Ibnek nitolbuk. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...