Skip to main content

Iż-Żmien t'Issa u ż-Żmien li Ġej

“Għax nafu illi jekk it-tinda terrena, li hi darna, hi żarmata, għandna bini mingħand Alla, dar mhix magħmula bl-idejn, eterna fis-smewwiet. Sadattant f’dit-tinda nokorbu, imxennqin biex nitlibbsu bl-abitazzjoni tagħna mis-sema, billi, meta nitlibbsu, ma nkunux misjubin għarwenin. Għax waqt li qegħdin f’dit-tinda, nokorbu għax aħna mtaqqlin, peress li ma nixtiqux ninżgħu iżda nitlibbsu bl-għamara smewwitija, sabiex il-mortali jinbela’ mill-ħajja. Issa dak li ħejjiena għal dan l-istess għan hu Alla, u tana l-Ispirtu bħala kapparra. (2 Korintin 5:1-5).

X’jissapportja lill-fidil waqt it-tbatija u l-prova? Il-fatt li bil-fidi jara ’l Alla inviżibbli u jara l-glorja li għad tiġi wara dan l-għomor qasir fuq l-art. It-tama konfidenti ta’ ħajja eterna u mbierka ma’ Kristu tagħtina l-fibra u l-grinta meħtieġa biex nissaportu u saħansitra nifirħu fil-gwaj t’issa, u tinkuraġġina nfittxu biss l-approvazzjoni tal-Mulej.

X’inhi l-esperjenza normali tagħna f’daż-żmien preżenti? Għalkemm ulied Alla għadhom jgħixu f’did-dinja, ma jifformawx parti integrali minnha; huma meħlusin minnha. Jingħarfu bħala pellegrini, qed jivvjaġġaw lejn Sijon hemm fuq, lejn Ġerusalemm smewwitija. Bħalissa ngħammru f’dar terrestri, tinda, ġisem fiżiku li qed imajna u għad jinqered. Għalkemm ingawdu ħafna barkiet, anke materjali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li għaddejjin minn wied ta’ dmugħ, minħabba l-effett tad-dnub fuq univers misħut minħabba fina.

Ma jistax jonqos, mela, li nitniegħdu u nokorbu. M’aħniex dak li suppost aħna, u nixxenqu għal xi ħaġa aħjar. Sakemm nibqgħu f’din l-eżistenza preżenti, inħossuna mtaqqla. Hija ħajja mortali: f’demmna u f’nifisna hemm il-mewt. Is-sospiri tagħna jindikaw il-frustrazzjoni minħabba l-limitazzjonijiet ta’ dil-ħajja preżenti, bid-dnub, bid-dgħufija u l-korruzzjoni tagħha. 

Il-Kristjan hu mdejjaq u mikdud l-aktar bid-dnub personali. Fuq kollox, nafu li aħna assenti mill-preżenza immedjata tal-Mulej. Ix-xewqa ultima tiegħu hi li jkun ma’ Sidu. Jaħasra dawk li jimmiraw biss għal dil-ħajja! It-tamiet tagħhom jispiċċaw mal-qabar! 

Talba: “Għoġbok, o Missier, illi tagħtina vista biex biha naraw saltnatek. Bl-istess inizjattiva tiegħek daħħaltna fiha biex inkunu sudditi tiegħek, bħala nies ġustifikati. Inroddulek ħajr talli kapaċi żżommna fil-ħarsien tiegħek, biex hekk ħadd min uliedek ma jintilef iżda lkoll naslu biex naraw il-glorja tiegħek, skont it-talba speċifika ta’ Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...