Skip to main content

Is-Siwi Tas-Sabar

“Minħabba f’hekk, mill-jum li smajna bikom, aħna ma hedejniex nitolbu għalikom u nissupplikaw ’l Alla sabiex timtlew bit-tagħrif tal-volontà tiegħu f’kull għerf u fehma spiritwali, ħalli timxu denjament tas-Sid u togħġbuh f’kull rispett billi tagħmlu l-frott f’kull opra tajba u tikbru fil-konoxxenza t’Alla; imsaħħin b’kull setgħa, skont il-potenza glorjuża tiegħu ħalli tiksbu kull perseveranza u paċenzja, u bil-ferħ tirringrazzjaw lill-Missier, li kkwalifikakom biex tixxerjaw fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl” (Kolossin 1:9-12).

Is-sabar hu s-saborra għar-ruħ, illi jżommha milli titgerbeb u tinqaleb fil-maltempati l-kbar; u min jissogra jbaħħar mingħajru ċ-ċattra tiegħu ċertament illum jew għada ssofri nawfraġju u jegħreq, l-ewwel fl-inkwiet u d-duluri ta’ did-dinja, u mbagħad fit-telfien etern. 

Mhuwiex faċli u lanqas ħaġa awtomatika tissaħħaħ fis-sabar. Kalvinu nnifsu ammetta, “M’għandix serriegħa kbira mal-vizzji tiegħi, kbar u numerużi daqskemm huma, aktar milli għandi man-nuqqas ta’ sabar. L-isforzi tiegħi mhumiex assolutament inutli; frattant qatt ma kont kapaċi nikkonkwista dil-bhima feroċi.”

Is-sabar għandu valur inkomparabbli. Inqabblu mal-aktar ħaġa prezzjuża prodotta mill-art – ġojjell. Ippressat mir-ramel u l-blat, jirpoża fil-ħoġor mudlam tal-art. Għalkemm ebda merżuq ta’ dawl ma jasal qribu, kapaċi jleqq bi ġmiel dejjiemi. Id-dija tiegħu jibqa’ mqar matul il-lejl oskur; imma, meta jkun illiberat mill-kalzri mudlam, mgħaqqad mad-deheb, jifforma l-marka distintiva u l-ornament tal-glorja, il-ħatem, ix-xettru u l-kuruna. It-tmiem u l-premju tiegħu hu l-kuruna tal-ħajja. 

Talba: “Mulej, int tgħallimna illi bis-sabar prinċep tfiehmu, u l-kelma t-tajba tkisser l-għadam. Agħmel minna nies illi kapaċi nissaportu fit-tul sabiex inkunu fejjieda għal ħaddieħor. Neħtieġu dan il-frott tal-Ispirtu: mingħajru ma nkunux utli, la fis-servizz tagħna mal-bnedmin u lanqas fil-ministeru u t-tħaddim tad-doni tagħna. Agħtina s-sabar, f’ġieħ Ibnek li ssaporta reati u inġustizzji kontra tiegħu, biex hekk fih għandna Mudell illi nistgħu nsegwu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...