Skip to main content

Int u l-Midjun

“Min jagħmel tajjeb lil wieħed barrani jaħbat ħażin, u min jobgħod l-irbit moħħu mistrieħ. Wieħed nieqes mis-sens iħabbat idu, u jagħmel tajjeb għal għajru. La tkunx wieħed minn dawk li jħabbtu fuq idhom, u jagħmlu tajjeb għad-djun. Jekk ma jkollokx biex trodd, għax għandhom jeħdulek soddtek minn taħtek?” (Proverbji 11:15; 17:18; 22:26-27). 

“Iħabbtu fiq idhom” kienet użanza orjentali. Illum dil-prattika hi ekwivalenti għal meta tiffirma kuntratt u tieħu b’idejn dak li tagħmel il-kuntratt miegħu. Mela t-tifsira ta’ dal-proverbju hi illi wieħed m’għandux jintrabat b’kuntratt biex jidħol garanzija personali għad-dejn ta’ ħaddieħor. Hawnhekk u f’passi oħra Alla jwissina bil-qawwa kontra dil-prattika. Dawn huma xi pariri dwar das-suġġett: 

1. L-Iskrittura tagħmilha ċara li mhux sewwa li tagħmel tajjeb għal ħaddieħor. “Wieħed nieqes mis-sens iħabbat idu, u jagħmel tajjeb għal għajru” (Proverbji 17:18).

2. Ir-riżultat jista’ jkun rovina u nkwiet kbir għalik u l-familja tiegħek. “Min jagħmel tajjeb lil wieħed barrani, jaħbat ħażin; min jobgħod l-irbit moħħu mistrieħ” (Proverbji 11:15).

3. Jekk wieħed intrabat b’dal-mod għandu jfittex bil-ħeġġa kollha biex jeħles minn din-nasba. “Ibni, jekk għamilt tajjeb lil għajrek, jekk għal wieħed barrani ħabbatt idek, int intrabatt bi kliem xofftejk, inqbadt bi kliem fommok; agħmel dan issa, ibni, u eħles lilek innifsek. Billi int ġejt taħt idejn għajrek, mur umilja ruħek u sus wara għajrek. La tagħtix ngħas lil għajnejk, u lil xfar għajnejk lanqas mistrieħ. Eħles bħal għażżiela minn id il-kaċċatur, u bħal għasfur minn id in-nassab” (Proverbji 6:1-5).

Ħalli ħadd ma jabbuża minn dal-prinċipju biex jiskuża l-egoiżmu tiegħu ħalli ma jsellifx jew ma jagħtix karità. Imma almenu tgħallem li hemm ċirkostanzi li fihom l-Iskrittura mhux talli ma tħeġġikx biex tagħti, iżda twissik biex tkun prudenti. F’dal-każ partikolari, biex ma tidħolx garanzija personali ħalli tagħmel tajjeb għad-dejn ta’ ħaddieħor.

Talba: “Mulej, kattar fina sens ta’ għaqal u prudenza fit-trattamenti tagħna ma’ ħaddieħor. Fakkarna dejjem illi aħna membri ta’ xulxin. Tħalliniex nidħlu f’saram bla bżonn jew kapriċċjożament. Filwaqt li nitolbuk biex tagħmilna iżjed u iżjed ġenerużi u karitattevoli, begħidna mit-trappoli finanzjarji. F’isem Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...