Skip to main content

Imħabba Permanenti

“‘Għal ħin wieħed tlaqtek, iżda bi ħniena kbira niġbrok. F’fawra ta’ għadab ħbejt għal ftit wiċċi minnek, iżda bi ħniena għal dejjem nitħassrek,’ jgħid i-Feddej tiegħek, il-Mulej. ‘Għax dan hu bħall-ilmijiet ta’ Noè għalija: għax bħalma ħlift li l-ilmijiet ta’ Noè ma jitilgħux iktar fuq l-art, hekk ħlift li ma nerġax iżjed nagħdab għalik, u lanqas inċanfrek. Għax il-muntanji jistgħu jitilqu, u l-għoljiet jitheżhżu; iżda l-imħabba tiegħi ma titħarrikx minn miegħek, u lanqas ir-rabta tas-sliem tiegħi ma titħarrek,’ jgħid il-Mulej li jħenn għalik” (Isaija 54:7-10).

Waħda mill-isbaħ kwalitajiet tal-imħabba divina hi l-permanenza tagħha. “Il-Mulej deherli bħal dari, jgħidli: ‘Iva, jien ħabbejtek bi mħabba eterna, għalhekk jien komplejt inżomm għalik il-fedeltà tiegħi” (Ġeremija 31:3). Il-kolonni tal-art jistgħu jiċċaqilqu minn posthom, iżda l-ħniena u l-benninità u l-patt tal-Mulej ħanin tagħna ma jitilqux lil niesu. Kemm inħossni ferħan f’ruħi meta nemmen din id-dikjarazzjoni! 

Kull ġurnata li tgħaddi qiegħda ġġib is-sena fi tmiemha, u kull sena li tgħaddi jfisser li ħajti qed toqrob lejn id-destinazzjoni tagħha. “Tafu ż-żmien preżenti, illi diġà waslet is-siegħa għalikom biex tkunu mqajmin mill-irqad, għax issa s-salvazzjoni tagħna hija eqreb milli meta emminna fil-bidu” (Rumani 13:11).

Iżda ż-żmien ma jbiddilx il-Mulej. Fanali ġodda jinxtegħlu flok il-qodma, u naraw bidla f’kollox; iżda Sidna hu l-istess, ilbieraħ, illum u għal dejjem. Hu “Missier id-dwal, li miegħu m’hemmx varjabilità jew ombra minħabba t-tidwir” (Ġakbu 1:17). Il-forza taqleb il-muntanji, iżda ebda qawwa immaġinabbli ma taffettwa lil Alla etern. Xejn fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni ma jista’ jqanqal lill-Mulej milli ma jurix mogħdrija miegħi.

Ruħ tiegħi, strieħ fil-benevolenza eterna tal-Mulej, li jittrattak bil-ħlewwa u tjieba. Ftakar ukoll il-patt ta’ dejjem li għamel miegħek. Alla ma jinsa qatt ir-rabta tiegħu miegħek; qis li ma tinsihiex int. 

Talba: “Alla glorjuż, fi Kristu Ġesù Ibnek inti ntrabatt li tkun Alla tagħna u aħna nkunu l-poplu tiegħek. Hekk iżżommni u tgħoddni bħala wieħed minn niesek, mixtrija b’demm imprezzabbli. O agħtini li nimmedita fuq il-ħniena u l-patt tiegħek – ħwejjeġ ċerti u dejjiema, aktar mix-xemx u l-qamar fil-korsa tagħhom.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...