Skip to main content

Il-Mixja Mal-Mulej

“Ħenok għex ħamsa u sittin sena, u wiled lil Metuselaħ. Imbagħad Ħenok, wara li wiled lil Metuselaħ, mexa ma’ Alla għal tliet mitt sena, u wiled bniet u subien. U l-jiem kollha ta’ Ħenok kienu tliet mija u ħamsa u sittin sena. U Ħenok kien jimxi m’Alla, u ma għadux iżjed, għax Alla ħadu” (Ġenesi 5:21-24)

Mhux xi azzjoni jew tnejn illi jixhdu favorevolment li t-tali hu Kristjan. Aktarx, trid tkun il-kondotta evanġelika fit-totalità tagħha illi biha tingħaraf l-identità vera tiegħu. Il-kredenti, imnissel mill-Ispirtu tal-ħajja, jixbah il-pjaneti fis-sistema solari: kostanti u bla għejja jkompli fid-dawrien tiegħu max-Xemx tal-Ġustizzja. Jibqa’ fedelment fl-orbitu maħtur għalih. 

Il-Bibbja talludi spiss għall-mixja, ossija, l-istil distintiv ta’ ħajja illi wlied Alla jadottaw voluntarjament u bil-ferħa. Bħal Ħenok fl-antik, huma “jimxu m’Alla.” B’mixja mhix l-istess bħal meta l-individwu jagħmel xi pass jew tnejn. Le, hu denominat “fil-mixja” b’moviment kontinwu, bi progress u tqarrib lejn it-tir tiegħu. 

Ebda bniedem mhu kkonsidrat b’saħħtu għax isir ruxxan f’daqqa, għal minuta u daqshekk, iżda għax il-bixra ta’ wiċċu għandha karnaġġjon sabiħ, u l-kumplament ta’ ġismu jidher enerġetiku. Alla ma jistma lil ħadd bħala mqaddes għalih għax darba fil jagħmel opra ta’ karità, iżda mill-korsa ġenerali tiegħu. 

Midneb jista’ jkun “tajjeb” f’xi atti tiegħu. Kajjin, il-qattiel, iressaq sagrifiċċju mill-għelejjel tar-raba’ tiegħu. Ġuda, it-traditur viljakk, jipprietka l-Kelma. Il-Fariżej, li isimhom sar sinominu mal-ipokresija, isumu. L-iskribi, reliġjużi ta’ qatgħa simili, jitolbu.

Mill-banda l-oħra, wieħed qaddis, li fuqu hemm it-tbissima t’Alla, jista’ f’xi azzjonijiet jogħtor gravament u jkidd lill-Missier fis-sema. David, ir-raġel għal qalb Alla, jieħu mart Urija għalih innifsu. Pietru, dixxiplu ewlieni tal-Mulej, jiċħdu. Abram, ħabib Alla, iħajjar lil martu tigdeb biex jipproteġi ġildu. Frattant dawn huma fost il-favoriti tas-sema. 

Talba: “Ġesù Sidna, int ma ssejħilniex ilsiera iżda ħbieb, għax kulma smajt mingħandek Missierek għarraftulna. Ma nistgħux nifhmu l-privileġġ sublimi illi nkunu ħbiebek. Ladarba wrejt it-tali ġenerożità magħna, nitolbuk biex nimxu miegħek denjament, filli nisimgħu leħnek u nkunu żelużi biex nobduk f’kollox. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...