Skip to main content

Id-Dixxiplina u l-Benefiċċju Tagħha

“Għad-dixxiplina tissaportu; Alla qed jittratta magħkom bħala ma’ wlied. Għax liema iben hemm li missieru ma jiddixxiplinahx? Jekk intom mingħajr dixxiplina (li tagħha sirtu sħab ilkoll), mela intom tfal illeġittmi u mhux ulied. Barra minn hekk, kellna missirijiet umani bħala korretturi, u rrispettajnihom. Kemm aktar imissna nkunu sottomessi għal Missier l-ispirti, u ngħixu! Għax missirijietna ddixxiplinawna għal żmien qasir skont kif dehrilhom l-aħjar; imma Alla jiddixxiplinana għall-ġid tagħna, ħalli nixxerjaw fis-santità tiegħu. Kull dixxiplina dak il-mument ma tidhirx ħaġa ferrieħa, iżda nikkieta. Madankollu, aktar tard trodd il-frott sielem tal-ġustizzja ’l dawk ittrenjati minnha” (Ebrej 12:7-11).

Il-Puritani għarfu illi eventwalment kull tbatija, jekk nilqgħuha b’atteġġjament tajjeb, ossija bil-fidi u s-sabar, tiżvolġi f’barkiet rikki għal dawk li l-Mulej laqa’ fi ħdanu. Jargumentaw illi r-reċipjenti tal-ħniena huma l-ewwel maħsula bl-afflizzjoni, biex imbagħad jitferra’ fihom l-inbid tal-glorja. Hekk naraw illi t-tbatija mhijiex ta’ preġudizzju għall-qaddisin, iżda kompletament għall-benefiċċju ultimu tagħhom. 

Persuna santifikata, bħal qanpiena fiddiena, aktar ma tintlaqat bil-qawwa, tinstema’ aħjar. 

Sikwit nitgħallmu aktar mingħand Alla u dwar Alla taħt is-sawt li jidrobna, milli taħt il-ħatar li jfarraġna. Id-dar tiegħu, fejn tiġi amministrata l-korrezzjoni, isservi wkoll bħala skola ta’ struzzjoni. Kien diskors nobbli u żeluż ta’ Injazju meta qal, “Ħa nkun mitħun bi snien il-bestji selvaġġi, ħalli nsir il-qamħ pur t’Alla.” Il-martri ma jieħdu xejn bi kbir, għax jafu li bħalma l-ħżiena jġarrbu ħsara bl-aħjar ħwejjeġ, it-twajba huma vantaġġjati bl-agħar ħwejjeġ. 

Alla jagħti l-għotjiet tiegħu biex inħobbuh, u tiswit biex nibżgħu minnu. Iva, sikwit iħallat miżura ta’ feroċità mal-favuri tiegħu. Hekk uliedu ubbidjenti mhux biss ibusu l-id li tagħti, iżda wkoll id-driegħ li jsawwat. 

Talba: “Fit-tislita tagħna kontra d-dnub, Missier, għinna biex inżommu sħiħ bla ma nċedu. Tħalliniex nadottaw il-mogħdija tal-inqas reżistenza. Issuġġettana għalik innifsek, sabiex ma nżebilħu qatt it-twiddiba tiegħek meta tindirizzana bħala wlied, u allura bħala privileġġjati illi nirċievu d-dixxiplina paterna tiegħek. F’ġieħ Ibnek nitolbok dan. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...