“Il-Mulej tal-ħaqq fi triqatu kollha, u qaddis fl-għemejjel kollha tiegħu. Il-Mulej qrib dawk kollha li jsejħulu, lil dawk kollha li jsejħulu fil-verità. Hu jaqta’ x-xewqa ta’ dawk li jibżgħu minnu, u jisma’ wkoll il-għatja tagħhom u jsalvahom. Il-Mulej iħares lil dawk kollha li jħobbuh, iżda jeqred lill-ħżiena kollha. Fommi jxandar tifħir il-Mulej; u ħa jbierek kull maħluq l-isem qaddis tiegħu għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 145:17-21).
L-Ispirtu tiegħu stess kebbes dan id-desiderju fina, u allura hu wkoll jissodisfah. Il-ħajja tiegħu fina ġġegħilna ngħajtu, u allura hu jismagħna. Dawk li jibżgħu minnu, ċoè juruh riverenza u jobduh, huma nies taħt influwenza l-iżjed qaddisa. Għaldaqstant xewqithom hi li jsebbħu lill-Mulej u jgawduh fis-sħiħ għal dejjem. Bħal Danjel, huma nies ta’ xewqat, u l-Mulej jieħu ħsieb li l-aspirazzjonijiet tagħhom jitwettqu.
Xewqat qaddisa huma bħal għalqa żara’ qed jikber. Il-Missier smewwieti, bħal bidwi, jikkoltiva l-qasam biex iż-żerriegħa tikber u tagħti ħsad bl-abbondanza. Nies li jibżgħu minn Alla jixtiequ jkunu qaddisa, jirrendu servizz umli u grat, kif ukoll ikunu barka għal ħaddieħor. Hekk jonoraw lil Sidhom.
Jixtiequ l-għajnuna biex jerfgħu t-toqol tagħhom, gwida f’sitwazzjonijiet perplessi u ħelsien mill-għawġ. Kultant dix-xewqa tkun tant qawwija, u l-każ tagħhom tant urġenti, illi jgħajtu lil Alla f’agunija tar-ruħ, bħal ulied ċkejkna. Imbagħad il-Mulej jikxef driegħu għalihom; jagħmel dak kollu meħtieġ, skont kelmtu, “u jsalvahom.”
Iva, jekk nibżgħu minn Alla, m’għandna għalfejn nibżgħu minn xejn u ħadd iżjed. La ngħajtu lill-Mulej is-salvazzjoni tagħna hi ċerta. Żomm dil-wegħda fuq xofftejk, duqha l-ġurnata kollha u ssir għalik ħelwa daqs l-għasel.
Talba: “Alla tagħna, int ma tiċħad xejn tajjeb minn dawk li jħobbuk. Widnejk mhumiex tqal għall-għajta tagħna u lanqas idejk magħluqa għall-bżonnijiet tagħna. Mill-esperjenza tagħna nafu illi kull għoti tajjeb u kull għotja perfetta hi minn fuq, nieżla mingħandek, Missier id-dwal, għax miegħek m’hemmx varjabilità jew ombra minħabba t- tidwir.”
Comments