Skip to main content

Fit-Triq Tas-Sewwa

“Fi triq is-sewwa hemm il-ħajja, u fil-mogħdija tagħha m’hemmx il-mewt. F’dar il-ġust hemm ġid kbir, iżda fil-qliegħ tal-ħażin hemm it-taħbit. Xofftejn l-għorrief ixerrdu l-għerf, iżda qalb il-boloh ma tagħmilx hekk. Il-Mulej jistkerrah is-sagrifiċċju tal-ħżiena, iżda t-talb tan-nies retti hu l-għaxqa tiegħu. L-imġiba tal-ħażin jistkerrahha l-Mulej, iżda jħobb lil min jimxi wara s-sewwa. Triq l-għażżien qisha ħajt tax-xewk, iżda l-mogħdija tan-nies retti watja” (Proverbji 12:28; 15:6-9,19). 

Din il-verità Alla għarrafielna kemm fil-kuxjenza kif ukoll fl-Iskrittura. Meta wieħed jgħix sewwa, tajjeb u ġust, ikollu l-ħajja ġenwina u l-barka t’Alla. Mhux dak li kultant jagħmel xi opra ta’ karità, imma dak li kuljum ifittex jagħmel ix-xieraq u n-nobbli quddiem il-Mulej. It-tali bniedem iduq il-Ġenna fuq din l-art.

Madankollu, il-bniedem jibqa’ ma jemminx li “fi triq is-sewwa hemm il-ħajja.” Qalbu tassew żonqrija – igiddeb lil Alla, iwarrab il-verità u jfittex il-ħajja f’lok ieħor. Ma jintebaħx li fi tmiem frugħatu jsib il-mewt – id-dalma dejjiema ta’ ruħ iddisprata u mwarrba minn Alla.

Agħżel int: il-ħajja jew il-mewt, il-barka jew is-saħta, is-sewwa jew id-dnub. Imma forsi tgħidli, “Kif nagħżilha triq is-sewwa?” 

Darba kien hemm sultan. Qal lill-ministru favorit tiegħu, “Itlobli kulma trid, u żgur nagħtihulek!”

Il-ministru ħaseb, “Jekk ngħidlu jlaħħaqni ġeneral tal-armata, jagħtini l-promozzjoni bla xkiel ta’ xejn. Jekk nirrikjesta nofs is-saltna, ma joqgħodx lura milli jaqtagħli xewqti. Irrid nitolbu ħaġa li magħha jżidli dan kollu.”

Għalhekk preżenta ruħu quddiem ir-re u qallu, “Maestà, jekk għandek pjaċir, agħtini lil bintek bħala marti.” 

Ma ħariġx diżappuntat. Hekk sar il-werriet tal-għana u l-unuri kollha tas-saltna. Bl-istess mod, meta nagħżlu lil Kristu Ġesù bħala Sidna, insiru fl-istess ħin werrieta tal-glorja u tas-saltna t’Alla l-Missier. U minn issa jibda jdewwaqna l-glorja smewwitija billi jħarriġna nimxu fil-mogħdija ġusta u qaddisa tiegħu.

Talba: “Is-sewwa jogħġbok, Mulej, għax int innifsek rett u sewwa. Nitolbuk biex il-mexxejja politiċi jamministraw pajjiżna skont il-liġi tiegħek; ninterċiedu wkoll għar-rgħajja fil-knejjes tiegħek, għall-missirijiet fil-familji, kif ukoll għalliema fl-iskejjel, biex ikunu dejjem eżempju tajjeb għall-persuni taħthom. Ħarreġ lili wkoll, Mulej, biex nimxi skont il-prinċipji evanġeliċi li jonorawk u jagħtuk ġieh. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...