Skip to main content

Evita l-Għażż

“Jiftaqar min jaħdem b’id għażżiena, iżda id il-bieżel tagħni. Min jaħżen fis-sajf hu iben għaqli, iżda min jorqod fil-ħsad hu iben li jġib għajb. L-għażżien ma jaħratx minħabba l-bard; għalhekk jittallab fi żmien il-ħsad u ma jaqla’ xejn. La tħobbx in-ngħas, li ma tiftaqarx; iftaħ għajnejk, u jkollok ħobż bix-xaba’. L-għażżien jgħid: ‘Hemm iljun barra; f’nofs it-triq inkun maqtul’” (Proverbji 10:4-5; 20:4,13; 22:13). 

Dawn il-proverbji jiddeskrivu lil dak li meta jiġi wiċċ imb wiċċ mal-problemi, perikli u diffikoltajiet, jaqta’ qalbu u jirrassenja ruħu għall-konsegwenzi. Jgħid: “Hemm iljun barra, f’nofs it-triq inkun maqtul.” Tant hu għażżien li minflok jaħseb x’se jagħmel biex igerrxu ’l hemm jew jaħrab minnu, diġà ddeċieda li l-iljun se jiżbranah.

Bħala illustrazzjoni ta’ għażż estrem, l-Għarab isemmu r-raġel li ma jdawwarx rasu fuq l-imħadda, avolja l-ilma mtajjen joqtor mis-saqaf ikun qed iqattar preċiżament f’għajnu. L-għażż hu tabilħaqq is-semm għall-ġisem u r-ruħ, l-infermier ta’ kull imqarberija, il-matrinja tad-dixxiplina, wieħed mis-seba’ dnubiet il-mejta, il-kuxin li fuqha jirpoża prinċipalment ix-Xitan. 

Hu l-kawża prinċipali mhux biss tal-malinkonija, iżda ta’ bosta għilliet oħra. Il-moħħ hu naturalment attiv. Jekk ma jkunx okkupat b’xi ħidma onesta, iħebb għat-trabil jew inkella jegħreq fid-dipressjoni. 

Apparti l-għażż fiżiku, ma ninsewx l-għażż mentali. Lord Bacon jgħid, “Ħafna liwi jikser il-qaws; ħafna nuqqas ta’ liwi, il-moħħ.”

Jista’ jkun li xi drabi nagħmlu l-istess? Meta jiġi xi għawġ fuqna, ninħallu bħax-xamgħa u nħallu l-problemi jirkbuna u jikkalpestawna. Jiġrilna hekk mhux għax it-tiġrib tagħna hu ikbar milli nifilħu – il-Mulej hu fidil – iżda minħabba l-għażż tagħna, li qisna issa drajnieh bħala parti min-natura tagħna.

Imissna nippreferu ma nagħmlu xejn b’xi għan speċifiku milli nibqgħu indolenti, biex ix-Xitan isibna dejjem okkupati. L-għasfur li jitperreċ għażżien fuq fergħa faċilment jisparaw fuqu, iżda t-tajr fl-ajru jiskappa l-isparar u t-trabokk. L-indolenza hi l-Baħar il-Mejjet li jibla’ l-virtujiet kollha. Hi sepulkru li raġel ħaj jibni għalih innifsu. Jerġa’, ħsibijiet imħassra jgħawru f’moħħ bla mpjieg b’mod naturali bħalma d-dud hu ġenerat f’għadira ilma qiegħed. 

Hemm diversi testimonjanzi kontra l-għażż. Ikun jaqbel inġorruhom fl-iskrittorju ta’ moħħna. Mason jgħid, “L-indolenza hi l-omm ta’ bosta wlied sfrattati. Dawk li ma jagħmlu xejn jinsabu predisposti biex jagħmlu agħar mix-xejn.” Howe jitkellem hekk: “Xi bluha meta titwaħħax bil-ħsieb li tarmi ħajtek ħesrem, u frattant ma tikkonsidrax l-għelt illi tarmiha biċċa biċċa u ftit ftit.” Sokrate, mill-antik, jirraġuna magħna b’dal-mod: “Mhux biss hu għażżien min ma jagħmel xejn, iżda hu għażżien ukoll min jista’ jkun impjegat aħjar.” Finalment id-dixxiplu tiegħu Platun: “Ippreferi d-diliġenza aktarx milli l-għażż, jekk ma tistmax is-sadid ogħla mid-dija.” Quddiem dan l-ażżard mifrux fi triqtek, taf min jista’ jiskansak minnu. 

Talba: “Missieri, int għandek interess speċjali fija. Eħlisni, mela, minn kull forma ta’ għażż, sew jekk fiżiku jew mentali. Għinni, biex fil-problemi tiegħi, ma nintelaqx, iżda billi nirrikorri għandek, u b’ubbidjenza sempliċi lejk, nimxi fi triq il-ħelsien li int tiftaħli, biex inkun nista’ niflaħ għat-tiġrib li jiġi fuqi. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...