Skip to main content

Wegħdi

“Ħadd ma jkun jista’ jieqaf quddiemek jiem ħajtek kollha. Bħalma jien kont ma’ Mosè, hekk inkun miegħek: la nħallik u lanqas nitilqek. Agħmel il-ħila u la tibżax, għax inti tagħti lil dal-poplu l-art li jien ħlift lil missirijiethom li nagħtihom. Biss agħmel il-ħila u la tibża’ xejn, biex tagħmel skont il-liġi kollha li Mosè, il-qaddej tiegħi, tak; la ddurx minnha lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, biex ikollok ir-risq kull fejn tmur. Dal-ktieb tal-liġi ma jitbiegħed qatt minn fommok, iżda aħseb fuqu nhar u lejk, biex tagħmel skont kulma hemm miktub fih; għax imbagħad inti tirnexxi f’kulma tagħmel u jkollok ir-risq. Ma kmandajtikx jien? Agħmel il-ħila u la tibżax! La titrigħedx u la titwerwirx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur” (Ġożwè 1:5-9).

Sikwit nikkwotaw minn dis-silta u ninkuraġġixxu rwieħna biha. Nafu illi l-mandat mogħti lil Ġożwè fl-antik jikkorrispondi mal-kummissjoni u l-ordni mogħtijin lilna llum. Inservu lill-istess Alla, il-Feddej li jżur u jiddefendi l-poplu tiegħu. Il-wegħda mgħoddija lill-mexxej ġdid ta’ Iżrael isservi wkoll bħala l-pedament għal kelma oħra fit-Testment il-Ġdid, “Żgurament mhux se nħallik, lanqas qatt mhu se nabbandunak” (Ebrej 13:5).

Għaliex neħtieġu t-tali assigurazzjoni? Għax quddiemna, bla intermissjoni, hemm mifruxa ħajja ta’ taqbid u ssarar mal-forzi tad-dlam. Il-Mulej tal-eżerċti, però, jinsab fuq in-naħa tagħna. 

Imsejħin immexxu lil ħaddieħor? Din il-wegħda tiggarantilna l-għerf u l-prudenza kollha li neħtieġu. Irridu nħabbtu wiċċna mal-makakkerija u avversarji qawwija? Hawnhekk għandna saħħa u qlubija, ħila u vittorja. Għandna wirt vast x’nirbħu? B’dan is-sinjal niksbu l-għan tagħna; il-Mulej innifsu hu magħna. Hu inviżibbli, iżda ġieli saħansitra jiffavorina b’għeliem tal-preżenza konfortabbli tiegħu. M’aħniex se nserrħu fuq l-għeliem; jekk jingħatawlna nroddulu ħajr. Jekk iħallina biex bħallikieku nteftfu fid-dlam, ħa nibqgħu żguri illi jiċċirkondana u jħarisna. Hu magħna, avolja l-avversarji għadhom jinbħu u jimminaċċjaw.

Gwaj tassew għalina jekk il-Mulej ifallina. Iżda billi dan qatt ma jista’ jkun, l-irjieħ ta’ taqlib huma mġegħlin ibattu u jorqdu f’għerien ’il bogħod minn xtutna. F’ebda okkażżjoni l-Mulej mhu se jerħi l-ħabel minn idejh. Jiġri x’jiġri, il-Mulej ikun u jibqa’ fl-istess dgħajsa tagħna. Jekk jidhrilna li “raqad” jew “ma jimportahx minna,” inqajmuh u nappellawlu għall-intervent tiegħu. Il-ħbieb iparpru; l-għajnuna tagħhom tkun qisha raxxa xita f’April. Iżda fidil il-Mulej; jibqa’ l-istess għal dejjem. Ladarba tana kelma, ma jerġax jibdielu. Jerġa’, l-Ispirtu s-Santu jibqa’ jgħammar fina, għax bih il-fidili huma ssiġillati sakemm Alla jdaħħalna fil-preżenza immedjata tiegħu fil-Ġenna.

Talba: “Sid setgħani u emien, qalbi tista’ tkun kalma miegħek, taħt id-dell ta’ ġwenħajk. Ħa nitqawwa fl-isperanza llum. Is-sħab jista’ jikkonfoffa kontrija; f’xi ħin jew ieħor, meta jidhirlek l-aħjar, tonfħilhom u ttajjarhom ’l hemm. Ladarba ma tfallinix, il-fidi tiegħi ma tfallix. Billi ma titlaqnix, jien ma nitilqikx. Seddaqni jien u nafda fik. F’isem Kristu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...