Skip to main content

Siġra Għammiela

“Il-frott tal-ġust siġra tal-ħajja, u min hu għaref jirbaħ l-erwieħ. Meta l-ġusti għandhom is-setgħa, il-poplu jifraħ, iżda meta jaħkmu l-ħżiena l-poplu jitniegħed. Fit-triq il-ħażina tal-ħażin hemm nassa, iżda l-ġust jgħanni u jifraħ. Il-ġust jagħraf id-drittijiet tal-imsejknin, iżda l-ħażin la jifhimhom u lanqas jikkonoxxihom. Meta joktru l-ħżiena joktor il-ħażen, iżda l-ġusti jarawhom jaqgħu” (Proverbji 11:30; 29:2,6,7,16). 

Bħalma siġra tagħmel it-tuffieħ, hekk il-ġust jipproduċi l-frott – ħidmietu, kliemu, talbu, it-tagħlim u l-eżempju li jagħti. Huwa siġra mtaqqla bi frott bnin li jservi ta’ nutriment għal min hu bil-ġuħ: jagħtihom il-ħajja, il-paċi, il-ferħ.

Ġesù wegħidna illi jekk nibqgħu fih, ċoè, jekk nimxu miegħu f’intimità, b’fedeltà kontinwa, hu jibqa’ fina. Hekk nipproduċu ħafna frott, biex bih ikun imsebbaħ il-Missier. Hi ħaġa ta’ niket tinnota illi għadd ta’ nies li jridu jgħaddu lilhom infushom bħala dixxipli ta’ Ġesù huma bħal dik is-siġra taż-żebbuġ fil-Palestina. Jisimha l-oleaster: f’kollox tixbah lis-siġra taż-żebbuġ: fid-dehra, daqs, lewn u kollox. Tidher ġenwina, ħlief għal fattur wieħed. Ma tagħmel ebda frott! Kemm hawn nies bħalha fil-knisja. Meta nara persuna tokkupa spazju kbir fl-ort spiritwali ta’ Kristu, tassorbi t-tira tal-ħamrija u terda’ d-dawl u s-sħana tax-xemx, u frattant ma tipproduċi xejn reali, ngħid f’qalbi, “Ah! X’oleaster sabiħa!”

Ħajr lil Alla, mhux kulħadd oleaster; hawn min għandu passjoni determinata biex ikun għammiel, fertili għall-Imgħallem tiegħu. Dr. Franklin kien wieħed minnhom: iċ-ċurkett tiegħu kellu tinqixa ta’ siġra mgħobbija bil-frott, bil-mottu: “Ikun bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma, li tagħti l-frott fi żmienha” – meħud minn Salmi 1:3. Meta qorob lejn tmiemu, is-suċċessur pastorali tiegħu talbu għal xi kelma ta’ għerf kondensat biex jibqa’ jgħożżha bħala tifkira u niggieża għall-kuxjenza tiegħu. Dr. Franklin pespes f’widintu, “Għammiel!” kif kienet tixhed għalih il-korsa ta’ ħajtu.

Il-ġust hu għaref f’għajnejn Alla għax b’imġibtu jirbaħ l-erwieħ billi jgħinhom fil-bżonnijiet, ifarraġhom fin-niket, iċanfarhom fl-iżball, jgħaddilhom parir tajjeb meta jkunu mħawdin. L-iktar fattur kruċjali, però, ixandar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lill-erwieħ mitlufa biex jaslu għandu, u jagħrfuh bħala ħajjithom, biex minnu wkoll jieklu, jixorbu u jkunu mxebbgħin.

Talba: “Missierna, bħall-bidwi, ożborna u saqqina biex nagħmlu frott kotran. Nixtiequ nkunu għal bosta nies siġra tal-ħajja. Għallimna napprovaw l-aħjar ħwejjeġ, sabiex inkunu sinċieri u inoffensivi sa jum Kristu, mimlijin bi frott il-ġustizzja li jiġi permezz ta’ Ġesù Kristu – għall-glorja u t-tifħir tiegħek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...