Skip to main content

Mexxini B'Kelmtek, Mulej

“Qaltlu: ‘Jien bint Betwel, bin Milka, li wildet lil Naħor.’ U qaltlu wkoll: ‘Għandna sew tiben u sew għalf biżżejjed, u wisa’ fejn tgħaddu l-lejl.’ U r-raġel miel rasu, u qiem lill-Mulej. U qal: ‘Imbierek il-Mulej, Alla ta’ sidi Abraħam, li ma ħalliex nieqes mill-ħniena u s-sewwa tiegħu lil sidi! U lili l-Mulej mexxieni mit-triq lejn dar ħut sidi.’ Imbagħad it-tifla ġriet u qalet lil ta’ dar ommha dawn il-ħwejjeġ” (Ġenesi 24:24-28).

Jaqblilna nkunu midħla dwar il-manjiera kif Alla jiżvela r-rieda tiegħu lil uliedu, għax f’dal-qasam ħafna jiżolqu fin-niexef u jagħmlu trampi u ħmerijiet, u mingħalihom qed iwettqu r-rieda t’Alla għalihom. Sakemm ir-rivelazzjoni divina, miġbura għall-gwida tal-knisja minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-qanun tal-Iskrittura Mqaddsa, kienet għadha mhix kompluta, Alla ġie li ggwida lil niesu b’modi speċjali, personali u pekuljari. Samwel, pereżempju, kellu gwida mhux tas-soltu, u biha wasal biex unzjona sultan fuq il-poplu. 

Illum il-ġurnata, fil-maturità u s-superjorità tat-Testment il-Ġdid, ma nistgħux nippretendu l-istess, għax Alla fl-Iskrittura sħiħa tana gwida ċerta, pubblika u għad-dispożizzjoni ta’ wliedu kollha. Ir-regola ordinarja hi l-Kelma t’Alla, li torbotna u tobbligana lkoll. Inkun prużuntuż jekk nippretendi li Alla jittratta miegħi b’rivelazzjoni straordinarja meta diġà tani fanal għal riġlejja u dawl għall-mogħdija tiegħi. 

Nissuspetta illi dawk il-Kristjani li jiddomandaw gwida speċjali u personalizzata apparti mill-Iskrittura għadhom ma jafux x’teżor illimitabbli ta’ gwida hemm miġbur bejn qoxra u oħra tal-Bibbja! Il-mod kif nistgħu nsiru nafu r-rieda t’Alla rigward deċiżjonijiet u xeltiet li jeħtieġ nagħmlu f’każijiet diffiċli u kruċjali, huwa billi nfittxu b’diliġenza u nistudjaw l-Iskrittura. Fejn ma nsibu ebda regola partikolari biex tiggwidana f’dan jew dak il-każ partikolari, allura mbagħad ikollna napplikaw ir-regoli ġenerali, u nissodisfaw irwieħna bihom. 

Mela, f’każijiet dubjużi, jekk tabilħaqq nixtiequ nkunu nafu Alla x’irid minna u liema xeltiet jixtieqna nagħmlu, dawn ir-regoli bibliċi jservuna bħala għajnuna.

1. Ħa jkollna l-biża’ veru t’Alla fi qlubna, u ħa noqogħdu attenti li ma noffenduhx. 

2. Studja l-Kelma aktar, u tħallix l-interessi tad-dinja jintervienu fid-deċiżjonijiet tiegħek. 

3. Irreduċi kulma taf fil-prattika, u tkun taf x’inhu d-dover tiegħek fil-prattika. 

4. Itlob għall-illuminazzjoni u d-direzzjoni li jmissek tieħu.

5. Segwi l-providenza sakemm taqbel mal-Kelma, u mhux iżjed. Dimostrazzjonijiet stupendi tal-providenza m’għandhomx ikunu aċċettati kontra r-regola tal-Iskrittura. 

Talba: “Fuqek, u fuqek biss, niddependi jien, ja Sidi. Ħaġa naf: illi m’għandix jedd fuq triqti stess, u lanqas hu fi nnifsi illi mmexxi l-passi tiegħi. Gwidani u widdibni int. Għallimni u urini t-triq li minnha għandi ngħaddi; wissini u żomm għajnejk fuqi, f’ġieħ is-saltna li għaliha sejjaħtli skont ħnientek, bi Kristu Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...