Skip to main content

Maħfura, Biex Nimxu fil-Biża' tal-Mulej

“Dawwart wiċċi lejn Sidi l-Mulej, biex infittex bit-talb u t-tħannin, bis-sawm, bl-ilbies tax-xkora u bl-irmied. Tlabt lill-Mulej, Alla tiegħi, u stqarrejt u għidt: ‘O Sidi, Alla kbir u tal-biża’, li tħares il-patt u t-tjieba lil dawk li jħobbuk, u lil dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħek: aħna dnibna u mxejna mgħawweġ. Għamilna l-ħażin u ma ridniex nisimgħu, billi twarrabna mill-preċetti tiegħek u mill-ordinanzi tiegħek, u lanqas smajna mill-qaddejja tiegħek, il-profeti, li kellmu f’ismek lis-slaten tagħna, lill-kbarat tagħna, lil missirijietna u lill-poplu kollu tal-pajjiż. O Sidi, lilek il-ħaqq, iżda lilna l-mistħija tal-wiċċ, bħalma hu llum’” (Danjel 9:3-7).

Billi nemmnu, għandna konfidenza qaddisa biex nersqu lejn it-tron t’Alla. Għalina m’għadux tron ta’ ġudizzju, iżda minħabba Kristu hu tron tal-grazzja. Għalhekk ma nsibuhiex bi tqila nammettu dnubietna ma’ Missierna. Meta d-dnub jitniżżel mit-tron tal-qalb, il-ħtijiet l-iżjed sigrieti jmejlu l-qalb b’umiltà quddiem il-Ħaruf. Demmu hu t-tindif tagħna; kuljum nirrikorru għandu għall-purifikazzjoni. 

Bħala fidili m’aħniex kapaċi nifhmu l-erruri kollha tagħna. “Min jista’ jagħraf l-għeltijiet tiegħu? Naddafni minn ħtijieti l-moħbija. Ħares il-qaddej tiegħek mid-dnubiet tat-tkabbir; tħallihomx jaħkmuni. Imbagħad inkun bla ħtija, u mnaddaf minn ħtija kbira. Ħalli l-kliem ta’ fommi u l-ħsibijiet ta’ qalbi jkunu milqugħin quddiemek, o Mulej, blata tiegħi u ħellies tiegħi” (Salmi 19:12-14).

Nafu illi anke d-dnubiet li m’aħniex konxji tagħhom jeħtieġ jinħaslu, għax Alla hu omnixjenti u xejn mhu moħbi minnu. Il-fidili jafu wkoll illi d-dnub mhux biss għandu ż-żahar u l-frott, iżda wkoll l-għeruq imqabbad fihom. Mhux biss jagħmlu atti ħżiena, iżda wkoll għandhom natura mniġġsa mnejn jispontaw dawn l-atti. 

Apparti li jistqarru, jinviġilaw u joqogħdu attenti. Isejħu lil Alla biex iżommhom b’setgħetu. Ma jimminimizzawx id-dnub u lanqas iċekknu d-deformità odjuża tiegħu. Ma jirreferux għalih b’ismijiet iktar mansi milli jistħoqqlu, għax ikunu awtomatikament qed iraħħsu l-valur infinit tad-demm prezzjuż ta’ Kristu, imxerred biex ipatti għal ħtijiethom. 

Lanqas ma jippretenduha li laħqu l-perfezzjoni; l-Ispirtu s-Santu jżommhom mit-tali errur. Jgħallimhom illi bħala midinbin imsejkna, jeħtiġilhom iħarsu kostantement lejn is-Salvatur. Jurihom illi mqar l-ikbar qaddis, stabbilit u msejjes fis-sod, jekk jitħalla għalih waħdu, dikment jaqa’ f’reati mill-agħar u dnubiet prużuntużi. Waħdu mhux kapaċi jduq ir-rebħa. 

Importanti għalina neżerċitaw il-fidi kuljum, u kuljum inraħħmu lill-Feddej tagħna biex irebbaħna miegħu. Għax id-dnub ma jiddominax fuqna, għax m’aħniex taħt il-liġi iżda taħt il-grazzja (Rumani 6:14). 

Talba: “Alla tagħna, foħrija u ġieħ u ringrazzjament lilek! Għax il-grazzja tiegħek tirrenja għalina u fina. Bħalma wegħidt hekk għamilt: tfajt il-biża’ tiegħek f’qalbna biex ma nitwarrbux minnek. Tajtna l-maħfra u magħha l-ħarsien mid-dnub. Ħalleluja! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...