Skip to main content

Is-Siwi tas-Sofferenza

“Jien ngħallmek u nurik it-triq li minnha għandek tgħaddi; inwissik u nżomm għajnejja fuqek. La tkunx bħaż-żiemel jew bħall-bagħal, li m'għandhomx sens, li ħalqhom jinżamm bl-ilġiem u r-riedni, altrimenti ma jersqux lejk. Ħafna duluri jiġu fuq il-ħażin, iżda min jittama fil-Mulej il-ħniena tal-Mulej iddur miegħu. Kunu henjin fil-Mulej u ifirħu, intom il-ġusti, u għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja!” (Salmi 32:8-11).

Il-fjuri, nosservaw, ifuħu l-aktar wara tiswita minn ħalba xita. Il-vinja tirrendi l-aktar meta fiha jitħaddem l-imqass taż-żabra. B’mod simili, il-qaddisin javvanzaw u jkunu l-aktar produttivi internament, fil-qagħda ruħana tagħhom mal-Feddej, meta jkunu l-aktar afflitti esternament. L-iżvintura taf tkun omm il-virtù.

Paradossalment, nistagħew bil-faqar, nitqawwew bid-debolizza, nissaħħu bil-mard, niġġeddu bħall-ajkla bl-avvanz tax-xjuħija. Meta s-Sultan Manasse safa afflitt, għamel tfittxija serja għall-Mulej Alla tiegħu. Il-katina tiegħu saritlu aktar prezzjuża mid-deheb fit-teżorerija tiegħu, u l-ħabs tiegħu għamara ifjen mill-palazz irjali. Il-Babilonja għalih kienet skola aħjar minn Ġerusalemm. Is-saram, ħa nifhmuha, mhuwiex għall-pjaċir tagħna, iżda għall-profitt spiritwali tagħna. 

Meta niltaqa’ mas-slabeb u kalamitajiet, ħa nirraġuna illi issa nara aħjar il-ġustizzja u l-verità t’Alla. Nirrealizza kemm kull inikwità jmissha tkun mistmerra u mmortifikata. Għalhekk issa nagħli, mhux għax jien konfrontat bix-xkiel jew molestazzjoni, imma għax ħaqqhomli, u agħar minn hekk ukoll. Mill-banda l-oħra, nirrealizza li ma jistħoqqlix l-iċken benefiċċji divini. Aktarx jien kwalifikat biss biex inkun megħlub minn pjagi u kastigi eħrex. Hekk Missierna jiskużana, meta nakkużaw lilna nfusna.

Mela, kif jirrimarka mbagħad Samuel Rutherford, meta nsib ruħi fil-kantina tal-afflizzjoni, infittex l-ifjen imbejjed tal-Mulej. Biex ninqeda b’tixbiha differenti, is-Sid tal-eżerċti, meta jmiddna fuq daharna, inkunu nistgħu aktar faċilment inħarsu lejn is-sema mkewkeb, il-wirja tat-tama.

Għaldaqstant, flok ma nissara kontra n-niggieża, ħa nġerragħha bi gratitudni mansweta, b’sabar evanġeliku. M’għandix għalfejn inkun bħall-ħmar jew bagħal, bla sens. 

Talba: “Milli nosserva madwari, Mulej, għandi konferma tal-fedeltà kbira tiegħek lejna. Għax jekk nagħġa tiżvijja mill-merħla, ir-ragħaj ikesksilha l-kelb, mhux biex jiddevoraha, imma biex ireġġagħha lura. Ewwilla int, ir-Ragħaj it-Tajjeb, se taġixxi b’inqas dehen? Għaldaqstant jien infaħħrek u nbierek ismek il-kbir. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...