Skip to main content

Is-Siwi tas-Sinċerità

“Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù bil-volontà t’Alla, skont il-wegħda tal-ħajja fi Kristu Ġesù, lil Timotju, ibni l-maħbub: il-grazzja, il-ħniena u s-sliem migħand Alla l-Missier u Kristu Ġesù Sidna. Nirringrazzja ’l Alla, li naqdih b’kuxjenza pura bħalma għamlu l-antenati tiegħi, kif niftakar fik kontinwament fil-petizzjonijiet tiegħi lejl u nhar. Jien u niftakar fid-dmugħ tiegħek, nixxennaq biex narak, sabiex nimtela bil-ferħ. Niftakar fil-fidi sinċiera li tinsab fik, li għammret l-ewwel f’nanntek Lojde u f’ommok Ewnike, u ninsab persważ illi issa tgħammar ukoll fik” (2 Timotju 1:1-5).

Għaliex jeħtieġ inkunu sinċieri? Kull grazzja Kristjana (umiltà, ħlewwa, ġenerożità, ferħ) tista’ tkun falsifikata mill-ipokritu, kif nintebħu mis-Salmi: “Xħin qered lil x’uħud minnhom, kienu jfittxuh; u nidmu, u reġgħu fittxew lil Alla. U ftakru li Alla hu l-blata tagħhom, u Alla l-Ogħla l-feddej tagħhom. Madankollu huma kienu jfaħħruh b’fommhom, u gidbulu b’ilsienhom, għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu” (Salmi 78:34-37). 

Nistgħu nevanġelizzaw ħafna bħala għata għad-diżubbidjenza tagħna. Insibuha diffiċlu nersqu lejn Alla fit-talb appuntu minħabba l-insinċerità tagħna. Ma nistgħux ingawdu l-preżenza t’Alla fit-talb meta nafu li Alla jaf l-istat ta’ qlubna, u biħsiebna nibqgħu kif aħna! Għalhekk huwa l-bniedem ta’ moħħ seren u sinċier illi kapaċi jirrealizza t-tifsira spiritwali tal-ħajja. Is-sinċerità miegħi nnifsi hi l-kondizzjoni ta’ integrità spiritwali. 

Għaliex is-sinċerità hi daqshekk eċċellenti u ta’ min jixtieqha? Is-sinċerità tagħmilna nleqqu. Hi x-xemx għall-virtujiet l-oħra, il-pjaneti li jduru magħha. Biha, il-Kristjan sinċier igawdi sliem profond meta jgħaddi mill-mewt biex jidħol fid-dar eterna. Is-sinċerità tagħmilna nixbhu lil Alla, li l-Iskrittura ssejjaħlu Alla tal-verità. Fidi, imħabba, indiema, ċaħda tagħna nfusna u l-bqija, avolja essenzjali, ma jistgħux jissaħħu mingħajr sinċerità. Tkun qisek qed timmultiplika l-karti tal-flus foloz, flok taħdem biex taqla’ waħda ġenwina. 

Pawlu implora ’l Alla ħalli l-aħwa jkunu mżejna bis-sinċerità: “biex tagħżlu dak li hu l-aħjar; biex tkunu sinċieri u bla ħtija sal-jum ta’ Kristu” (Filippin 1:10). Il-vantaġġi tas-sinċerità huma varji. Is-sinċerità tippreparani għall-assigurazzjoni tas-salvazzjoni tiegħi. Tassistini biex nissara kontra d-dnubiet li qed ixebilkuni. “Mulej, salvani mid-dnubiet li jsejħu lilhom infushom venjali.” Is-sinċerità tippreparani l-aħjar għal xirka pjaċevoli m’Alla.

“Il-Mulej, l-ewwel u qabel kollox, irid is-sinċerità fis-servizz tiegħu, sempliċità fil-qalb bla makakkerija jew falsità,” jgħid Kalvinu. U l-istemma tiegħu xi skrizzjoni kellha? “Cor meum tibi offero, Domine, prompte et sincere” ċoè, “Qalbi noffrilek, Mulej, fil-pront u sinċerament.” X’riżoluzzjoni sublimi! Tabilħaqq, kif jgħid Shakespeare, ebda legat mhux daqshekk rikk daqs l-onestà.

Talba: “Alla tas-sewwa, nirrealizza illi kwalunkwe don jisfa bla siwi jekk mhuwiex abbinat mas-sinċerità. Int tikkonsidra biss idejn safja, mhux idejn mimlija, u bniedem onest hu l-opra l-aktar nobbli tiegħek. Sawwar minni t-tali persuna, biex fuq ħajti jkolli t-tbissima paterna tiegħek. Nitolbok għan-nom ta’ Ibnek l-għażiż. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...