Skip to main content

Il-Kristjan u d-Dnub

“Hekk jgħid il-Mulej, ‘Minħabba tliet dnubiet ta’ Gaża, anzi minħabba erbgħa, ma nbiddilx il-kastig tagħha…Minħabba tliet dnubiet ta’ Tir, anzi minħabba erbgħa, ma nraġġax lura l-kastig tagħha…Minħabba tliet dnubiet ta’ Iżrael, anzi minħabba erbgħa, ma nraġġax lura l-kastig tiegħu, għax huma jbiegħu l-ġust għall-flus, u l-fqir għal par sandli, u jirfsu ras l-imsieken fuq it-trab tal-art, u jgħawġu triq il-ġwejdin (Għamos 1:6,9; 2:6-7).

Id-dnub jiddomanda prezz għoli, imqar minn dawk mifdija minnu. Avolja m’għadhomx taħt il-kundanna u s-saħta tiegħu, ulied Alla xorta waħda jbatu l-konsegwenzi skabrużi tiegħu fuq l-art. Sawl, meta kkomprometta ruħu b’Agag, tilef il-kuruna u s-saltna. Sansun, bl-iċċaċċrar tiegħu ma’ Delila, tilef saħħtu, il-vista, il-libertà u ħajtu stess. 

Imma x’inhuma dawn id-disfatti għaċ-ċediment tal-qawwa spiritwali, għat-telfa ta’ komunjoni m’Alla, għat-telfa tal-Ispirtu tad-dawl, tal-ħajja, il-libertà u l-glorja? X’inhuma meta mqabbla mat-telfa tal-ferħ inesprimibbli, u l-paċi li tisboq kull dehen?

Intenni, il-mogħdijiet midinba ta’ wlied Alla huma l-kawża ta’ qrusa biżżejjed. Il-Kristjan ma jistax imesmes mad-dnub ħlief b’falliment u defiċit kbir. Jekk Pawlu jippermetti mqar miżura ta’ kburija, Alla jumiljah b’xewka f’ġismu, biex ixxekklu. Jekk xi dixxiplu jiftaħ il-bieb imqar sokkjuż għad-dnub, il-qagħda tiegħu f’daru ssir skonfortabbli, jirżaħ b’għemilu stess. Jekk l-avventurier Kristjan ifettillu jitgħabba b’element ta’ dnub, il-pellegrinaġġ tiegħu jitlef l-għana tas-salmi minn fuq fommu. 

Għeli waqa’ fi traskuraġni u indulġenza lejn uliedu, imbagħad l-arka t’Alla nqabdet mill-Filistin, uliedu sfaw maqtula fil-battalja u mart ibnu mietet. Hu nnifsu jispiċċa b’għonqu miksur. Id-dnub ma jnissel xejn ħlief traġedji fost il-mifdija. Billi jgawdu l-maħfra u jinsabu ġustifikati, ma jfissirx li għandhom liċenzja għad-dnub. Id-dnub jibqa’ jisloħ bla ħniena, tirann bla raġuni. David, meta kkawża l-mewt ta’ Urija u raqad ma’ martu, kien imkeċċi mill-palazz, il-konkubini tiegħu sfaw imniġġsa, u ibnu stess maqtul. Kalamitajiet imwiegħra waqgħu fuqu. 

Talba: “Bħala nies magħrufin minnek, Missier smewwieti, salvati bil-grazzja tiegħek, għandna raġun nibżgħu. Ħa jkun il-biża’ tiegħek determinattiv f’kull qasam ta’ ħajjitna, minn ġurnata għall-oħra. Int kont u tibqa’ Alla mill-aktar ġust u rett, u hekk insibuk, mhux biss mal-mitlufa iżda magħna wkoll. Ħa jkollok ħniena minna; u tħalliniex nabbużaw minn ħnientek. Għallimna nużaw il-libertà tagħna għall-ubbidjenza tal-liġi tiegħek. F’isem Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...