Skip to main content

Il-Karta tal-Identità

“Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja. Issaportu ’l xulxin u aħfru ’l xulxin, jekk xi ħadd għandu lment kontra ħaddieħor; bħalma appuntu ħafrilkom is-Sid, hekk ukoll agħmlu intom. U fuq dawn il-virtujiet kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-armonija perfetta. Ħa jarbitra s-sliem ta’ Kristu fi qlubkom, li għalih tabilħaqq kontu msejħin f’ġisem wieħed. U kunu grati. Ħa tgħammar ġewwa fikom kelmet Kristu bl-għana, tgħallmu u tammonixxu ’l xulxin b’kull għerf, tkantaw salmi, innijiet u kanzunetti spiritwali, b’rikonoxxenza fi qlubkom ’l Alla. U kull ħaġa kwalunkwe li tagħmlu, sew bil-kelma jew inkella fl-att, agħmlu kollox f’isem is-Sid Ġesù, filwaqt li tirringrazzjaw ’l Alla l-Missier permezz tiegħu. (Kolossin 3:12-17).

Jekk nieqaf u nistaqsi lili nnifsi, “Min jien?” qajla nkun naf xi nwieġeb. Imma sforz ir-rabta tiegħi ma’ Kristu, u sforz l-unjoni mistika li ngawdu miegħu, nista’ niddefinixxi lili nnifsi u lil ħuti b’diversi termini li flimkien jagħtu idea tal-istatus li fih ninsabu promossi. 

Fl-Iskrittura l-fidili huma popolarment denominati bħala qaddisin. Jingħad li aħna Kristjani tliet darbiet biss. Oriġinarjament l-isem kien ivvintat bħala laqam, probabbilment f’sens peġġorattiv; kienu l-pagani f’Antjokja li sejħulna hekk l-ewwel darba, u aħna adottajnieh. Bħalma kien hemm il-Caiserianoi, in-nies devoti lejn l-emperatur Ruman, issa tfaċċaw il-Christianoi, is-sudditi leali ta’ Kristu. 

Apparti minn hekk, aħna msejħa wkoll tfal t’Alla u wliedu, ulied id-dawl, ulied il-jum, ulied l-ubbidjenza, fidili, ħbieb ta’ Kristu, nagħaġ tal-merħla tiegħu, aħwa fl-istess familja divina, suldati, xhieda, amministraturi, ċittadini smewwitija, dwal fid-dinja, il-maħbubibn, il-maħturin u l-imsejħin t’Alla, l-ambaxxaturi tiegħu, il-ministri, il-qaddejja u d-dixxipli ta’ Ġesù, werrieta t’Alla, werrieta ma’ Kristu, friegħi fid-dielja l-vera, membri fl-istess ġisem mistiku, ġebel ħaj li jifforma t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, epistoli ħajjin, segwaċi jew dixxipli ta’ Ġesù, akar minn rebbieħa, vittorjużi, konkwistaturi, u l-bqija. 

Dawn kollha fihom tagħbija ta’ sinifikat. Kollha jikkontribwixxu biex jiddefinixxu x’sar realment meta wieħed hu mwieled mill-ġdid.

Allura x’attitudni jmissni nadotta jien u niżvolġi din l-identità? Blaise Pascal jissuġġerixxi: “Agħmel il-ħwejjeġ żgħar bħallikieku kienu kbar, minħabba l-maestà tal-Mulej Ġesù Kristu, li jgħammar fik. Agħmel ħwejjeġ kbar bħallikieku kienu żgħar u ħfief, minħabba l-omnipotenza tiegħu.”

Niftakru li qajla għandna ħjiel x’ħejja l-Missier għal dawk li jħobbuh. Mhux aħjar, allura, inħejju qalbna, u naġġostaw l-azzjonijiet tagħna? Fil-ħdax ta’ Marzu, 1830, tifla ċkejkna Ingliża kien imissha l-lezzjoni mat-tutur tagħha. Dakinhar inzertat lezzjoni li kellha x’taqsam mal-familja rjali. Hi u tistudja ċ-ċart ġenealoġika fil-ktieb, saret konxja ta’ fatt sorprendenti: kien imiss lilha li tiret it-tron! Għall-ewwel bkiet, imbagħad ħarset lejn l-għalliem u qaltlu, “Se nkun brava!” Il-fatt li ċ-ċkejkna Victoria kellha xi darba tkun inkurunata reġina mmotivaha biex tgħix fuq livell ogħla. 

Nistgħu naffordjaw inqas minn hekk, jekk is-saltna li se nirtu hi waħda eterna?

Talba: “Skont il-favur tiegħek lejna, Mulej, tajtna status inkredibbilment għoli quddiemek. Minn issa stess tagħrafna bħala maħfura, qaddisin u saħansitra wliedek adottivi, eredi ta’ saltna eterna. Ma’ dil-qagħda nagħrfu wkoll ir-responsabbiltà solenni illi nikkomportaw irwieħna b’mod konformi mal-vokazzjoni tagħna. Tħalliniex nonqsu minn din l-isfida! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...