Skip to main content

Il-Kankru tal-Kburija

“‘Iva, inwerwer minħabba fik ħafna popli, u s-slaten tagħhom jitkexkxu minħabba fik, meta nxejjer sejfi quddiemi wiċċhom, u jitriegħdu kull ħin, kull wieħed għal ħajtu, fil-jum tal-waqgħa tiegħek.’ Għax hekk jgħid Sidi l-Mulej: ‘Sejf is-sultan ta’ Babel jilħqek. Bi sjuf il-qawwijin inġarraf il-kotra tiegħek, l-eħrex fost il-ġnus, ilkoll kemm huma, u jħarbtu l-kburija tal-Eġittu u l-kotra kollha tiegħu tinqered” (Eżekjel 32:10-12).

“Il-kburija mhix tant problema għalija.” Jekk tirraġuna b’dan il-mod, aħseb sewwa fuq il-kliem: “Il-ġlied jiġi biss mill-kburija” (Proverbji 13:10). Jidher ċar li bniedem kburi hu ġelliedi. Jekk trid tkun taf intix kburi jew le, staqsi lilek innifsek intix ġelliedi. Min iħobb jiġġieled hu kburi. Imma qabel tirrispondi, “Le, m’inix ġelliedi, u allura m’inix kburi,” aħseb ftit ieħor. X’tagħmel meta xi ħadd joffendik? Kif tirreaġixxi meta xi ħadd jikkritikak? Kif iġġib ruħek meta xi ħadd jimmalafamak? Kif teħodha meta xi ħadd jikkoreġik?

X’tagħmel? Tqum biex tieħu tiegħek minn fuq? Jew forsi toqgħod teqred u tgerger minn taħt? Tgħajjat u tisħon? Jew tinħaraq ġo fik, u tilgħabha tal-miskin?

Jekk sinċerament ikollok twieġeb “Iva” għal xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet, kun af li l-moffa tal-kburija għadha tikber f’qalbek. Il-kburija twieldet magħna u ma tmutx siegħa qabilna. Hi minsuġa hekk sfiq fix-xoqqa tan-natura tagħna illi qabel ma nkunu mkebbin fil-kefen, ma nisimgħux bl-aħħar tagħha. Frattant irridu nissieltu kontriha mument b’mument. 

Talba: “Mulej, eħlisni minn dal-ħażen li int tant tobgħod! Ħalli ma naħsibx li jien xi ħaġa. Jien midneb, salvat bil-grazzja tiegħek. Jien dudu tal-art; int biss Alla l-Ogħla. Għinni, biex ma nfittex qatt l-unur tiegħi, imma tiegħek biss. Saħħaħni biex, flok ingerger, nirringrazzjak dejjem. Agħtini l-għerf biex, flok niddefendi lili nnifsi, nammetti u nabbanduna dnubieti. Għinni biex ma ninħaraqx meta nkun imżeblaħ, imma ninħaraq meta ismek ikun diżonorat. Missier, aħdem fija biex insir nixbah lil Ibnek Ġesù Kristu, li għallimna biex kull min jagħtina daqqa ta’ ħarta fuq il-ħadd il-lemini, indawrulu l-ieħor ukoll. Nixtieq f’imġibti kollha nirrifletti lil Ġesù li prietka u għamel kulma għallem, għax hu kien maħqur u umiljat u frattant fommu ma fetħux, bħal ħaruf meħud għall-qatla, bħal nagħġa li titbikkem quddiem min iġiżżha, hekk hu ma fetaħx fommu. Mulej, nitolbok biex fil-komunità u fil-familji tagħna jirrenja dan il-ħsieb tal-umiltà, il-ħsieb li hu fi Kristu Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...