Skip to main content

Il-Fidi u t-Tbatija

“Huma servi ta’ Kristu? (Nitkellem bħallikieku qed nherwel.) Jien iżjed minnhom: f’taħbitiet iżjed bil-kotra, fi priġuneriji aktar spiss, f’tiswit eċċessiv, u sikwit espost għall-mewt. Ħames darbiet laqqatt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda. Tliet darbiet kont imħattar, darba mħaġġar, tliet darbiet innawfragat; għaddejt lejl u jum fl-għammieq. Kont sikwit fuq vjaġġi, f’perikli mix-xmajjar, f’perikli mill-briganti, f’perikli min-nies ta’ ġensi stess, f’perikli mill-Ġentili; f’perikli fil-belt, f’perikli fil-barr, f’perikli fuq il-baħar, u f’perikli minn aħwa foloz. Kont fit-taħbit u fl-istrapazz, sikwit fi ljieli bla rqad; bil-ġuħ u l-għatx, sikwit għaddejt bla ikel; fil-ksieħ u l-għera. Apparti dawn il-ħwejjeġ esterni, hemm kuljum il-pressjoni fuqi, ċoè, l-ansjetà tiegħi għall-knejjes kollha” (2 Korintin 11:23-28).

Il-Kristjan m’aħniex ngħidu li ma jiżbaljax, imma almenu jaf jipparaguna u kapaċi, jekk irid, jaġixxi skont id-dehen mogħti lilu. Il-ħwejjeġ temporali ma jistmahomx bħala l-kargu biex itaqqal il-ġifen tiegħu, iżda aktarx bħala s-saborra, xi ħaġa utli għall-istabbiltà, biex jibqa’ jbaħħar u jfendi. Huwa konvint illi jeħtieġlu juża d-dinja, iżda jgawdi l-Mulej. Allura, imqar meta l-istaġun jiġih skabruż, kapaċi jgħid, “Iż-żmien ħażin, imma Missieri tajjeb.”

Frattant iħaddem il-fidi tiegħu, u jintrabat m’Alla. Għax il-vanġelu ma jsemmix rikkezzi, pjaċiri, intelliġenza intellettwali, saħħa fiżika jew ġmiel. Jekk Alla jagħtina minn dawn, jagħtihomlna skont il-grazzja komuni tiegħu, bħalma jtella’ x-xemx tiegħu fuq il-ġust u l-inġust. Intrabat b’patt ma’ Ibnu, illi kawża tal-mewt u l-irxoxt tiegħu, jifdina u jiġġustifikana, iva jqaddisna wkoll, iżda ma wegħidniex avvanz materjali. Huwa minnu li tul il-Patt il-Qadim dawn il-ħwejjeġ huma menzjonati u sikwit mogħtija, skont il-wegħda li jbierek lil dawk li jonoraw isem Alla. 

Dak kien perjodu fejn il-poplu t’Alla kien stmat bħala fl-infanzja tiegħu. Issa, bl-avvent ta’ Kristu u l-milja tar-rivelazzjoni divina, il-knisja daħlet fil-maturità tagħha, fi stadju ta’ adultezza. Qabel, bħallikieku mat-tfal ċkejknin tiegħu, Alla għoġbu illi jagħtihom żgangilli u ġugarella, mentri fid-dispensa preżenti, Alla jittratta magħna bħala adulti, u allura ma niskandalizzawx irwieħna meta nisimgħu lil Pawlu jgħid illi “Alla esibixxa lilna l-appostli l-aħħar nett, bħallikieku kkundannati għall-mewt, għax sirna spettaklu għall-univers, kemm għall-anġli kif ukoll għall-bnedmin...Sa dis-siegħa stess ninsabu nġuħu u għatxana, bi ħwejjeġ imċerċra, jittrattawna brutalment, bla dar fissa. Nitħabtu, naħdmu b’idejna stess. Meta nkunu inġurjati, inbierku; meta nkunu ppersegwitati, nissaportu” (1 Korintin 4:9,11-12). 

Mhux għax Alla nesiehom. Jaf li bil-grazzja tiegħu nifilħu għal trattament bħal dan. Bih jittrenjana nimxu bil-fidi, mhux bid-dieher. Lil Alla nitgħallmu nħobbuh, mhux għax jagħtina, iżda għax hu s-Sovran imbierek, Sid is-sidien. Sadattant uriena illi provdielna ħwejjeġ aħjar, ħwejjeġ spiritwali u smewwitija. 

Talba: “Mill-bidu sat-tmiem, Mulej, int tittratta magħna bi grazzja liema bħalha. Ir-relazzjoni tagħna miegħek ma tiddependix fuq il-prestazzjoni tagħna, iżda fuq il-patt tiegħek; u int stess tagħtina l-ħila biex inkunu leali lejk. Għaldaqstant, ladarba nirċievu saltna li ma tistax tkun imriegħda, ħa nuru gratitudni, li biha nkunu nistgħu nqimuk b’mod aċċettabbli, b’riverenza u timenza. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...