Skip to main content

Id-Donatur u d-Doni Tiegħu

“Minħabba f’hekk ngħidilkom, tinkwetawx għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’se tixorbu, lanqas għal ġisimkom, x’se tilbsu. Ewwilla l-ħajja mhix iżjed importanti mill-ikel, u l-ġisem mill-ilbies? Ħarsu lejn it-tjur tas-sema; la jiżirgħu, la jaħsdu u lanqas jiġbru fl-imħażen, frattant Missierkom smewwieti jitmagħhom. Ewwilla intom ma tiswewx aktar minnhom? Min minnkom, billi jinkwieta, jista’ jżid ma’ għomru mqar siegħa waħda? U għaliex tinkwetaw dwar l-ilbies? Ikkonsidraw il-ġilji tal-għalqa, kif jikbru, la jitħabtu u lanqas jagħżlu. Frattant ngħidilkom, lanqas Salamun fil-grandizza kollha tiegħu ma kien imxedded bħal wieħed minn dawn. Imma jekk Alla hekk ilibbes il-ħaxix tal-għalqa, li llum hu ħaj u għada jinxteħet fil-forn, ma jagħmilx bil-wisq iżjed magħkom, ja nies ta’ fidi ċkejkna? (Mattew 6:25-30).

Wistin għallem kif ġej: “Tħobb id-dinja maħluqa mhix xi ħaġa ħażina, imbasta Alla, il-ħabbej tagħna, ma jonqosx fil-preġju u l-istima tagħna. Meta tħobb id-dinja u tfalli milli tħobb lil Alla tkun qisek għarusa li, malli tingħata ċurkett mill-għarus tagħha, issir tħobb iċ-ċurkett wisq aktar mill-għarus li rregalah. Naturalment, imissha tħobb kulma jagħtiha l-għarus, imma jekk tħobb iċ-ċurkett u tistmell lilu li tah tkun qed tirrofta l-istess sinifikat taċ-ċurkett bħala l-għelm ta’ mħabbtu. Hekk ukoll, in-nies li jħobbu l-ħolqien u mhux lill-Ħallieq ikunu qed jinnegaw it-tifsira sħiħa tal-ħolqien. Imissna napprezzaw il-ħolqien u nħobbu lill-Ħallieq minħabba fih.” 

Alla tana l-ktieb tal-ħolqien biex minnu nitgħallmu dwaru. Meta n-nies jaraw xi biċċa xogħol kurjuża u komplikata ta’ xi artiġjan kompetenti, l-artifatt innifsu jħajjarhom biex jistaqsu dwar min produċieh, ħalli hekk ifaħħru sengħetu. B’mod simili, hu d-dover, anzi l-privileġġ tagħna l-Kristjani, illi kull fejn nosservaw is-sapjenza, it-tjieba u s-setgħa t’Alla, aħna u nitgħallmu x-xjenza fil-branki diversi tagħha, ngħaġlu biex mill-ħaġa maħluqa nduru lejn il-Ħallieq ħalli nsebbħuh u niċċelebraw il-kapaċità glorjuża tiegħu. It-tali approwċ huwa edukazzjoni fl-aqwa tagħha. 

Ħu, ngħidu aħna, it-tengħud tax-xagħri, jew l-alka komuni mqabbda mal-blat, jew il-ġeranju fil-ġonna. Dritt tosserva l-ordni, is-simettrija, id-disinn fl-istruttura delikata, il-korrispondenza bejn parti u parti oħra. Ħalli l-għajn titmieraħ mal-vastezza tan-natura, tul l-għelieqi kkoltivati, ix-xaqlibiet għall-mergħa, il-wileġ bil-furrajna u żara’ ieħor. Ixref xirfa fl-imsaġar fejn l-irjieħ xerrdu ż-żerriegħa u jispontaw arbuxxelli u siġar ta’ kull tip, kollha kemm huma esibizzjoni tal-varjetà fis-saltna veġitattiva. 

Innota t-tjur – il-malvizz, l-isponsun u l-ekru – ilkoll f’kompetizzjoni ta’ ġmiel u skwiżitezza. Skopri l-ordni f’kull fergħa u ħaxixa salvaġġa – il-garnija u l-lelluxa – u studja l-lewn delikat, il-preċiżjoni fl-għamla, il-kotra profuża tal-ġiżi. Aqta’ waħda minnhom, u eżamina l-petali u l-ħabba, u kif iz-zokk jgħaqqad mal-bqija. Liema arti fasslet dil-ħaġa sempliċi u fl-istess ħin tant kumplikata, tant misterjuża? Innota l-għasluġ tal-ħarruba, l-għekiesi li fih, u kif il-miżwet jisponta u jħaxxen. Ara dik il-fjura li lanqas biss taf x’jisimha, b’liema linji mżejna, l-isfumaturi tal-lewn, u r-repetizzjoni innumerabbli tagħha minn sena għall-oħra. 

Talba: “Ladarba n-natura mifruxa quddiemna hi għemilek, o Alla, u hi mgħobbija b’tant għaxqa u ġmiel, mela kemm int sabiħ int innifsek, il-manifattur tagħha! B’liema setgħa ħlaqt kollox! B’liema għerf iddisinnjajt il-bhejjem u t-tjur! B’liema għożża sawwart il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħek! Kemm imissna nħobbuk, kemm fik innifsek kif ukoll minħabba dal-ġmiel profuż madwarna!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...