Skip to main content

Fi Kristu

“Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali fl-imkejjen smewwitin fi Kristu. Għax għażilna fih qabel il-ħolqien tad-dinja ħalli nkunu qaddisin u bla difett f’għajnejh. Fl-imħabba ppredestinana għall-adozzjoni bħala wliedu permezz ta’ Ġesù Kristu għalih innifsu, skont l-intenzjoni tajba tal-volontà tiegħu – għat-tifħir tal-grazzja glorjuża tiegħu, li biha ffavoriena fil-Maħbub. Fih għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu li fawwar ġenerożament fuqna. B’kull għerf u fehma għarrfilna l-misterju tal-volontà tiegħu skont l-għoġba tiegħu, li intenzjona fi Kristu, għall-amministrazzjoni adatta għall-milja taż-żminijiet, ċoè, li jiġbor kollox flimkien fi Kristu, il-ħwejjeġ fis-smewwiet u l-ħwejjeġ fuq l-art; iva, fih. Fih konna magħmulin werrieta, billi konna ppredestinati skont il-pjan ta’ dak li jopera kollox f’konformità mal-għan tal-volontà tiegħu, ħalli aħna, li ttamajna l-ewwel fi Kristu, inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu. Intom ukoll kontu inklużi fih, wara li smajtu l-kelma tal-verità, l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom. Malli emmintuh kontu ssiġillati fih bl-Ispirtu s-Santu mwiegħed, li hu l-kapparra tal-wirt tagħna, sal-fidwa sħiħa tal-possediment t’Alla – għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Efesin 1:3-14).

Il-pożizzjoni tagħna l-fidili “fi Kristu” hija l-motiv ewlieni għall-imġiba tagħna. Billi ripetutament jingħad li aħna en Christō, irridu napprezzaw il-fatt li aħna l-imweldin mill-ġdid għandna relazzjoni ma’ Kristu bħalma t-tjur għandhom mal-ajru, li jerfagħhom u jagħmilhom kapaċi jtiru, jew bħalma l-ħut jgħixu fl-ilma baħar. It-tjur għandhom l-arja fihom u huma jinsabu fl-arja: hekk il-fidili, Kristu jinsab fina u aħna fih. Sar l-element tagħna, jiċċirkondana u jippervadina vitalment. Fih ngħixu, u aħna mħarrkin, u għandna l-eżistenza tagħna. Hu fina, u aħna fih. Mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn, u m’aħna xejn. Enfatikament hu kollox f’kollox għalina. L-unjoni tagħna ma’ Kristu hi s-sors ta’ kull barka. 

Ladarba dan hu minnu, insibu eżortazzjoni potenti (Efesin 4:1-6) bħal meta band’ oħra l-istess appostlu jappellalna, f’ġieh il-ħniniet t’Alla, biex nippreżentaw lilna nfusna bħala sagrifiċċju ħaj, u biex ma nikkonformawx irwieħna mal-mentalità tad-dinja, imma nkunu trasfigurati bit-tiġdid ta’ moħħna (Rumani 12:1-3).

Talba: “Missier, int tajtna t-tagħrif tal-verità; qanqaltna biex nirrikorru għand Ibnek ħalli bih insibu aċċettazzjoni quddiemek. Issa nagħrfu illi bħala l-imgħammdin fih konna wkoll mgħammdin f’mewtu. Konna midfunin miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt. Agħtina grazzja, mela, sabiex bħalma Sidna kien irxoxtat mill-imwiet permezz tal-glorja tiegħek, aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...