Skip to main content

Alla Personali Jisma' Talbi

“‘Ħa jkollkom fidi f’Alla,’ weġibhom Ġesù. ‘Tassew ngħidilkom, kull min jgħid lil dil-muntanja, “Inqala’ u nxteħet fil-baħar,” u ma jiddubitax f’qalbu, iżda jemmen illi dak li jgħid se jiġri, ikunlu hekk. Minħabba f’hekk ngħidilkom, kull ħaġa kwalunkwe li għaliha titolbu u tissupplikaw, emmnu illi rċivejtuha, u tkunilkom. U kull meta toqogħdu bilwieqfa biex titolbu, aħfru, jekk għandkom xi ħaġa kontra xi ħadd, sabiex Missierkom fis-smewwiet ukoll jaħfrilkom l-offiżi tagħkom’” (Mark 11:22-25).

Missierna ngaġġa ruħu illi jwieġeb għat-talb tal-fidili u “jwettaq ix-xewqat ta’ dawk li jibżgħu minnu.” Iżda kultant hemm vjaġġ twil qabel ma l-kredenti jara l-bastiment jirritorna mill-avventura tiegħu. Hemm intervent ta’ xitwa qalila bejn iż-żrigħ tat-talb, u l-ħsad tiegħu. Alla tabilħaqq jismagħna malli nitolbu, iżda spiss ma nisimgħux mingħandu daqstant malajr. 

Bħala evidenza niċċitaw il-każ tal-profeta. Darba minnhom intbagħtitlu dit-tagħrifa: “La tibżax, Danjel, għax mill-ewwel jum li daħħalt f’qalbek li tifhem, u tumilja ruħek quddiem Alla tiegħek, kliemek kien mismugħ, u jien ġejt għal kliemek. Izda l-kap tas-saltna tal-Persja waqqafni għal għoxrin jum…” (Danjel 10:13). It-talbiet jaslu dlonk fis-sema, iżda t-tweġiba minn hemm tista’ tiddawwar ma tasal. Dan inkwantu t-talb tal-fidili. 

Xi ngħidu mbagħad għat-talb tal-miskredenti? Id-doveri huma doveri għal kulħadd, bħalma bil-kmandamenti Alla jobbliga lil kulħadd, bħala ħlejjaq tiegħu, biex iħarsuhom. Għalkemm l-infidil jidneb fit-talb, frattant mhux dnub għalih illi jitlob. Hemm dnub fil-manjiera tat-talb tiegħu, peress li jitlob bla fidi u b’motivi żmerċi. Iżda t-talb, inkwantu l-att u s-sustanza tiegħu, hu dmiru. Jidneb, mhux għax jitlob, għax dan hu rikjest minnu; jidneb għax jitlob ħażin, ċoè, mingħajr indiema u sikwit b’finijiet egoistiċi jew ulterjuri. Fit-talb tal-miskredent jidhru l-abominazzjonijiet, imma l-fatt li jitlob mhu xejn abominazzjoni. Hi r-rieda tajba u aċċettabbli t’Alla, xi ħaġa kmandata minnu. 

Talba: “Grazzi, Mulej Alla, talli wassaltni fi stadju illi napprezza li qabel ma ngħix għalik, jeħtieġ illi nkun tiegħek. Int għamiltni tiegħek billi xtrajtni minn taħt il-madmad tad-dnub u t-tirannija tax-xitan. Fdejtni u tajtni aċċess fil-preżenza tiegħek, b’Ġesù Ibnek. Agħtini l-għerf u x-xenqa biex nersaq lejk bit-tħannin tiegħi, bil-konfidenza, għax naf li widnejk huma miftuħa għall-għajta ta’ wliedek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...