Skip to main content

Twissija f'Waqtha

“Il-qaddej tas-Sid ma jmissux jitlewwem, iżda aktarx ikun ġentili ma’ kulħadd, kapaċi jgħallem, sieber. Għandu jikkoreġi bil-manswetudini ’l dawk li jopponuh, abbli Alla jagħtihom l-indiema biex jaslu għat-tagħrif tal-verità, u jistejqru lura f’sensihom u jaħarbu min-nassa tax-xitan, wara li nqabdu minnu ħalli jagħmlu l-volontà tiegħu” (2 Timotju 2:24-26).

Ma jistax ikun tistmah bħala ħabib dak il-bniedem illi jaf li qed isir komplott minn wara dahrek biex jisirquk jew jaħarqulek darek jew se jaħbtu għalik jew għal xi qarib għażiż tiegħek, u dan jibqa’ b’fommu sieket, mingħajr ma jgħarrfek minn rajh, u b’sens ta’ urġenza. 

Issa l-Kristjan jaf li m’hemm ebda qattiel, ħalliel jew brigant agħar mid-dnub. F’każ bħal dan, is-skiet jew il-ħabi hu ekwivalenti għal tradiment. Kull min jibqa’ riżervat, jew jinħeba wara subgħajh, jippretendi li jħobbok, mentri fil-fatt, ma jaħmlikx u ma jimportahx minnek. “La tobgħodx lil ħuk f’qalbek, iżda widdeb lil għajrek, u la titgħabbiex bid-dnub minħabba fih.”

Mill-banda l-oħra, tgħodd bħala veru ħabib fidil, u denju ta’ kull stima u affezzjoni, dak li jittratta dirett u bla telf ta’ żmien b’referenza għal xi dnub fik. 

Forsi tipprotesta, “Min jibqa’ sieket jadotta dit-tattika biex ma jinkwetanix.” Imma għal darb’ oħra, nisħaq, kemm hu tabib iblah, u ħabib nominali, illi jħallik tmut għax jibża’ illi jekk jinformak bil-marda serjissma jtelliflek it-trankwillità meta jkun għad fadal ċans ta’ intervent kirurġiku.

Bl-istess mod inkunu qed inġibu ruħna b’kattiverija jekk, biex ningwalawha ma’ ħbiebna u ma ninkwetawhomx, iħalluhom jiżżerżqu fit-triq tar-rovina. Veru, mhuwiex ħaġa faċli tikkonfronta lil sieħbek bi dnubu; fina għandna l-istess atteġġjament ta’ Kajjin illi, meta l-Mulej staqsieh fejn hu ħuh Abel, farfar u qallu li ma jħossux obbligat joqgħod għassa tiegħu. Ewwilla tippreferi tħalli lil sieħbek jispiċċa fil-kastig etern biex ma tirrabjahx jew ma tiskurmentahx, jew biex ma tipperikolax ir-reputazzjoni tiegħek miegħu?

“Missierna smewwieti, sawwar minna nies li jimportana minn ħaddieħor, mhux biex nindaħlu fejn ma jesagħniex, iżda biex bħalma ħaddieħor wasslilna l-aħbar ta’ salvazzjoni f’Ibnek Ġesù, aħna ngħadduha lil dawk l-erwieħ li għadu jgħammru fil-wied ta’ dell il-mewt. Agħtina l-kumpassjoni u sens ta’ urġenza biex nirbħuhom għall-Feddej uniku, appuntat minnek stess, Ġesù Ibnek.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...