Skip to main content

Ħwejjeġ Jgħaddu u Ħwejjeġ Eterni

“Kliem il-Predikatur, bin David, sultan f’Ġerusalemm. ‘Frugħa tal-frugħat,’ jgħid il-Predikatur. ‘Frugħa tal-frugħat; kollox frugħa. Xi profitt għandu l-bniedem mit-taħbit kollu tiegħu li jitħabat taħt ix-xemx? Nisel jgħaddi u nisel ieħor jiġi, iżda l-art tibqa’ għal dejjem. Ix-xemx ukoll titla’, u x-xemx tinżel, u tgħaġġel lejn imkienha minn fejn terġa’ titla’” (Ekkleżjażti 1:1-5).
Ma nimmaġinawx li r-ruħ immortali tista’ tkun sodisfatta bi ħwejjeġ transjenti. L-ilħiħ spiritwali tagħna qajla jista’ jsib tweġiba fil-vanità. B’rgħiba u kilba, bosta huma dawk li jiddomandaw miżura akbar milli għandhom, bħallikieku l-eċċessività fil-kwantità se tagħmel id-differenza. Irridu nifhmu illi l-ġuħ li nħossu fi qlubna ma jipproċedix minn nuqqas ta’ abbondanza terrestri, iżda għaliex hu nutriment żnaturali għal moħħ il-bniedem, hekk li l-ġuħ f’ruħna ma jistax ikun sodisfatt, daqskemm ġisimna ma jsib ebda sostenn bir-riħ. Il-pjaċiri tad-dinja qishom il-loqma mogħtija lil priġunier, li la tista’ żżommu ħaj u lanqas tħallih imut.
Nies imdorrija jgħixu fil-vallun abbli jaħsbu, “Kieku kellna nixxabbtu fuq l-għolja, immissu s-smewwiet.” Nies mgħarrqin f’qiegħ il-povertà, fl-uġigħ u l-miżerja, jikkalkolaw illi kieku jinqalgħu mill-qagħda patetika tagħhom, jitilgħu sal-quċċata tal-għolja, tingħatalhom jew jiksbu miżura adegwata ta’ rikkezzi, unuri, saħħa u pjaċiri, u jkunu ottenew it-trofew mixtieq, il-kuntentizza.
Salamun jikkontradixxihom. Fit-trattat tiegħu, l-Ekkleżjażti, jiddeskrivielna kif tela’ sal-quċċata tal-għolja, u ma jara xejn ħlief nies imġenna bis-sahra u b’sens ta’ kompetittività sfrenata, nies ambizzjużi li ma jarawhiex bi tqila jirfsu fuq għenuq xulxin ħalli javvanzaw lilhom infushom, nies li għalkemm għandhom bl-irfus, xorta waħda huma mifnija bl-istess skuntentizza ta’ nies li qattgħu għomorhom u żmienhom jgħammru fil-vallun. Isfel jew fuq, xorta waħda!
Allura Salamun, imġarrab hu nnifsu, jindirizzana xi ħaġa hekk: “Sinjuri, kemm intom ingannati fil-mistennija tagħkom! Rajt l-isforzi u l-impenn ta’ dawk li b’xi mod jew ieħor telgħu sal-quċċata. Assumew li ladarba jaslu fejn kellhom jaslu, imissu s-sema b’idejhom, u jħaddnu l-kuntentizza vera. Jien għamilt bħalhom, u bħalhom sfajt diżilluż. Għandi teżori, unuri u varjetà ta’ pjaċiri f’abbondanza sħiħa. Fuq il-quċċata tal-għolja sibthom mhuma xejn ħlief frustrazzjoni, minflok kuntentizza. Mhux talli ma tawnix sodisfazzjon, izda kkawżawli vessazzjoni u dieqa. Daħħluni f’ċirku vizzjuż.”
“Allura x’imissna nagħmlu?” nistaqsuh.
Iwieġeb: “Taħlux saħħithom fuq il-frugħa; tagħżlux biex kollox isirilkom suf. Emmnuni, is-sahra u l-ġenn tagħkom ma jissarraf f’xejn ħlief f’borża qxur tal-bebbux. Vanitas vanitatem!”
Fid-dawl tal-vanġelu, ma jifdlilna ebda dubju x’għandna nagħmlu. Ġesù jlumna ħelu ħelu, “Tassew, tassew ngħidilkom, qegħdin tfittxuni, mhux għax rajtu s-sinjali mirakolużi, iżda għax kiltu mill-ħobż u kontu sodisfatti. Taħdmux għall-ikel li jitħassar, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja eterna, li Bin il-Bniedem se jagħtikom, għax lilu Alla l-Missier issiġilla” (Ġwanni 6:26-27).
Meta tkun spiċċat it-tiġrija, u l-logħba ntilfet jew intrebħet, u ssib lilek innifsek fil-periferija taż-żmien, mal-fruntiera bejn did-dinja u l-oħra, u tmidd riġlek biex tibda l-marċ tal-eternità, il-ħwejjeġ komdi u sbieħ ta’ dan il-ħmar il-lejl qasir tarahom, iva, bħala rmied minn għamra ħuxlief.
Talba: “Għallimna l-għerf veru tiegħek, o Alla sapjenti. Tħalliniex ninqabdu f’nases ta’ promessi vojta, jew nidħlu fi ċrieki vizzjużi li ma jwassluna mkien ħlief għad-disprament. Mexxielna riġlejna f’dawlek, biex naraw id-dawl. Agħtina xewqa ġdida u dispożizzjoni ġdida biex infittxu kulma hu verament sinifikanti u jgħodd, mhux biss għaż-żmien, iżda wkoll għall-eternità. F’isem Ibnek Ġesù, l-għerf tagħna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...