Skip to main content

Protezzjoni Rjali

“U jiġri jekk tisma’ bir-reqqa leħen il-Mulej, Alla tiegħek, u tħares u tagħmel il-kmandamenti tiegħu li qiegħed nagħtik illum, illi l-Mulej, Alla tiegħek, jgħollik fuq il-ġnus kollha tal-art. U jiġu dawn il-barkiet kollha fuqek, u jilħquk, jekk tisma’ leħen il-Mulej, Alla tiegħek. Imbierek tkun fil-belt, u mbierek tkun fir-raba’…Il-Mulej iżommok bħala l-poplu qaddis għalih, bħalma ħaliflek, jekk tħares il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tiegħek, u timxi fi triqatu. U l-popli kollha tal-art jaraw li int tissemma b’isem il-Mulej; u jibżgħu minnek” (Dewteronomju 28:1-3,9-10).

Jekk nikkonsidraw sewwa, nirrealizzaw minnufih illi m’għandna ebda raġuni għala nitbeżżgħu mill-ġnus. Pjuttost il-kuntrarju, għax min hu fuq in-naħa t’Alla impossibbli jsofri disfatta finali. Mela kodardja jew intimidazzjoni daparti tal-Kristjan tittradixxi spirtu dgħajjef; hu biss sinjal ta’ nuqqas ta’ fidi jew, l-aktar l-aktar, fidi infantili u debboli. Alla jista’ jagħmilna tant nixbhuh, illi n-nies ikunu sforzati jaraw li aħna bir-raġun inġorru ’l ismu, u tabilħaqq aħna l-poplu tiegħu, miżmuma f’idu omnipotenti. M’hemmx li niksbu din il-grazzja, li l-Mulej hu dispost jagħtina!

Kun assigurat li l-ħżiena, imqar fis-sigriet, jibżgħu mill-qaddisin ġenwini. Jobogħduhom, jgħajruhom u jekk isibu ċ-ċans, joqtluhom, iżda wkoll jitgerrxu minnhom. Ħaman qabditu r-rogħda minħabba Mordekaj, anke meta fittex il-qirda tiegħu. Infatti, il-mibegħda tagħhom sikwit tinbet minn biża’ li, minħabba l-kburija tagħhom, ma jammettuhiex. 

Mela ħa nissoktaw nimxu għal għonq it-triq tal-verità u l-ġustizzja, mingħajr l-iċken tregħid. “Tibżax, merħla żgħira, għax għoġbu Missierkom jagħtikom is-saltna” (Luqa 12:32). Il-biża’ mhux għalina, iżda għal dawk li jagħmlu l-ħsara u jiġġieldu kontra l-Mulej tal-eżerċti. Jekk tabilħaqq isem Alla etern hu fuqna, ninsabu sikuri. Ħa nieħdu ħsieb inqanqlu fi fjamma d-don mogħti lilna, u naqdu lil Sidna bla riżerva, “għax Alla ma taniex spirtu ta’ timidezza, iżda spirtu ta’ setgħa, ta’ mħabba u ta’ dixxiplina fuqna nfusna” (2 Timotju 1:7).

Bħalma fl-antik wieħed Ruman kellu biss jgħid, “Romanus sum” (“Jien Ruman”), biex jirċievi l-protezzjoni tal-imperu vast, hekk ukoll il-bniedem t’Alla għandu l-Omnipotenza bħala l-gwardja tiegħu. Alla jippreferi jbattal l-univers mill-galassji innumerabbli milli jħalli fidil wieħed mingħajr difiża. 

Talba: “Mulej Alla omnipotenti, int Missieri. Nifhem illi m’għandix għalfejn nibża’ mill-waħx tal-lejl, u lanqas mill-vleġġa li tittajjar binhar. Hi u tinxtered, il-pesta ma tmissnix u lanqas il-ħerba li tiddistruġġi f’nofsinhar. Lilek nixtieqek bħala l-kenn tiegħi, biex ebda deni ma jiġrili, u ebda ħsara ma tersaq lejn għamarti. Agħmilni iżjed qalbieni minn iljun għas-sewwa, għax int miegħi. Tifħirek se jkun fuq fommi. Ħalleluja!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...