Skip to main content

Ħobb Lil Min Ma Jħobbokx

“Smajtu illi ngħad, ‘Ħobb il-proxxmu tiegħek u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Imma jien ngħidilkom, ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, ħalli tkunu wlied Missierkom fis-smewwiet; għax itella’ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u t-tajbin, u jibgħat ix-xita fuq il-ġusti u l-inġusti. Għax jekk tħobbu ’l dawk li jħobbukom, xi premju għandkom? Ewwilla ma jagħmlux saħansitra d-dazjarji l-istess ħaġa? U jekk issellmu ’l ħutkom biss, xi tkunu qed tagħmlu iżjed mill-oħrajn? Ewwilla ma jagħmlux saħansitra l-Ġentili l-istess ħaġa? Kunu mela intom perfetti, bħalma Missierkom smewwieti hu perfett” (Mattew 5:43-48).

Ma nkunu qed nagħmlu xejn speċjali jekk inħobbu biss lil dawk li jħobbuna. Il-briganti wkoll iħobb lill-briganti sħabhom. Jekk il-favuri u l-pjaċiri nagħmilhom biss ma’ nies li jaħmluni, x’benefiċċji nippretendi? Ix-xellerati u l-immorali jagħmlu l-istess ħaġa! Jekk insellef biss lil dawk li mingħandhom nippretendi rikumpensa, xi krettu għandi? Il-banavakki jassistu wkoll lil xulxin, għax jafu li xi darba jirċievu l-kumpliment lura, jew jekk ma jirċevuhx, jiddomandawh. 

L-Imgħallem tagħna jeżortana, aktarx, biex immorru oltre minn dawn il-mogħdijiet konvenzjonali u loġiċi. B’sorpriża – u tant ilna nisimgħuha li qajla għadha sorpriża – iħeġġiġna biex inħobbu lill-avversarji, u nagħmlulhom il-ġid, u meta nsellfu ma nippretendux lura. 

Kif jista’ jkun? Did-dottrina tgħodd, u jissograw jipprattikawha, dawk biss mimsusa bil-grazzja. Jafu li Alla jippremja l-benefiċjenza tiegħu stess maħduma fihom, uliedu. Il-wegħda tixprunahom ’il quddiem, illi għad ikunu premjati u magħrufa bħala wlied l-Ogħla. Bħalma hu nnifsu beninn mal-ingrati u mal-perversi, hekk l-imitaturi tiegħu jagħtu evidenza li għandhom rabta vitali miegħu b’azzjonijiet jixbhu lil tiegħu. “Kunu ħanina,” jikkonkludi r-Rabbi tagħna, “bħalma Missierkom hu ħanin.”

Dan mela hu t-tagħlim inkonfutabbli tal-kitbiet ispirati. Issa, fl-iżvilupp gradat tal-pjan suprem, li jifforma s-somma u s-sustanza tar-rivelazzjoni miktuba kollha, aħna preżentati b’esibizzjonijiet innumerabbli tal-beninnità divina, li meta jħallu l-impatt tagħhom fuq il-moħħ uman, huma kkalkolati, bil-barka tal-Ispirtu, illi jaffettwaw ir-rinovazzjoni tan-natura sħiħa tiegħu. 

Malli l-moħħ u l-kuxjenza jkunu mdawla bi twemmin kordjali tal-verità, u malli l-qalb tiġġedded bl-esperjenza kemm tabilħaqq il-verità hi potenti, il-prinċipju tal-beninnità jibda minnufih ikun eżerċitat. 

Talba: “Mgħallem tagħna, int għandek kull awtorità biex tikkmandana, u aħna bħala servi tiegħek imissna nobdu. Irridu nobduk. Inroddulek ħajr illi apparti kelmtek tajtna wkoll l-Ispirtu s-Santu ħalli internament jimmotivana u jġegħilna bi ħlewwa u konvinzjoni biex attwalment nagħmlu l-ġid lill-bnedmin kollha skont l-opportunitajiet quddiemna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...