Skip to main content

L-Użu Xieraq tal-Ġid

“Ordna lill-għonja fid-dinja preżenti biex ma jitkabbrux u lanqas jiffissaw tamithom fl-inċertezza tal-għana, iżda f’Alla, li jipprovdielna l-ħwejjeġ kollha bl-irfus għat-tgawdija tagħna. Kmandahom jagħmlu t-tajjeb, ikunu għonja f’opri tajba, ikunu ġenerużi u lesti jixxerjaw, biex hekk jaħżnu teżor għalihom infushom bħala sies sod għall-ġejjieni, sabiex jaqbdu l-ħajja li hi verament ħajja” (1 Timotju 6:17-19).

Diffiċli tkun sinjur u tibqa’ tafda fil-Mulej, daqskemm hu diffiċli għall-benestant illi jidħol fis-saltna. Bil-grazzja t’Alla ż-żewġ sfidi jingħelbu, m’għandix dubju. Kristu javżana, “Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn labra milli wieħed għani jidħol f’saltnet Alla” (Mattew 19:24). Is-Salvatur hawnhekk mhux qed jitkellem dwar l-impossibbli, iżda dwar id-diffiċli, u allura r-rarità tal-każ. Ġobb solva l-indovinalja, għax għadda minn għajn il-labra bi tlett elef ġemel u qtajja’ bhejjem oħra. Jibqa’ l-fatt illi hi sfida kumplessa tkun sinjur, bla ma tkun mitruħ spiritwalment. Thomas Watson, il-Puritan, josserva kemm hu diffiċli ġġorr kies mimli bla ma xxerred, u ħxuna materjali bla ma tixxaħxaħ fid-dnub.

Huwa għaqal għalina, allura, illi nkunu nixtiequ mhux l-ikbar par żarbun u l-aħjar ħwejjeġ, imma dawk li jiġuna. L-istess jgħodd għad-dinjità u l-beni tagħna. Il-povertà, m’għandniex xi ngħidu, qatlet elf, iżda l-għana qatlet l-għaxart elef, u ddiżappuntat miljuni. Hi inċerta; twiegħed dak li mhix kompetenti twettaq, u lanqas kapaċi taffordja s-serħan tal-moħħ.

Meta vjaġġatur ikun se jitlaq għal triqtu, ħatar wieħed f’idu jista’ jwieżnu, imma qabda oħtra jservu biss ta’ impediment. Hekk ukoll, miżura adegwata ta’ ħwejjeġ materjali tista’ attwalment tassistina aħna u nterrqu lejn Sijon, filwaqt li l-abbondanza tista’ tfixkilna.

Ironikament, ir-rikkezzi jħajruk tkompli timmoltiplikahom. Fejn se tieqaf? Jagħmluk rgħib. Bħalma r-rimedju biex taqta’ l-għatx ta’ wieħed marid bid-deni ma jinsabx filli tagħtih jixrob aktar, imma preferibbilment teħilsu mid-deni li jkun qed jikkawżalu l-għatx, hekk ukoll il-metodu biex issir sinjur ma jikkonsistix filli tgeddes il-ġid, imma filli tnaqqas ir-rgħiba u d-desiderju inordinat għar-rikkezzi.

Għandna kemm għandna, imlaħalħin bl-irfus jew magħfusin bi skarsezza, dejjem xieraq inkunu ġenerużi. Meta nċedu dak li ma nistgħux inżommuh, biex niksbu dak li ma nistgħux nitilfu, inkunu qed nagħmlu bonakkwist. Ir-rikkezzi ma jistgħu jagħmlulna ebda ġid, jekk ma jgħinuniex fi triqtna lejn il-Ġenna.

Talba: “Tfajt id-dawl tiegħek f’ruħi, Mulejja. Tħallinix mela nkun kortavista; għinni nadotta perspettiva xierqa lejn il-ġid materjali. Ħa nkun għaqli biżżejjed biex iservini dejjem ta’ għajnuna flok xkiel f’mixjieti miegħek. Fakkarni kull filgħodu illi jien amministratur tal-ħwejjeġ tajba li tajtni, biex ma nabbużax minnhom. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...