Skip to main content

Jidrob u Jdewwi

“U jgħidu, ‘Ejjew ħa nerġgħu lura lejn il-Mulej, għax hu qattagħna iżda jfejjaqna. Hu darab u hu jdewwina. Wara jumejn jaħjina; fit-tielet jum iqajjimna, biex aħna ngħixu quddiemu. Għalhekk ħa nagħrfu lill-Mulej, ħa nitħeġġu biex nagħrfuh!’ O Efrajm, x’nagħmillek? O Ġuda, x’nagħmillek? Għax it-tjieba tagħkom bħal sħaba tas-sebħ, u bħan-nida li tgħaddi kmieni” (Ħosegħa 6:1-4). 

Alla, marbut b’patt solenni magħna li jkun Alla tagħna għal dejjem, ma jitlaqx għal dejjem minn magħna. Jista’ jgħaddina mid-dlam, imma hi biss mogħdija, mhux priġunerija permanenti. 

Raġel jista’ kultant joħroġ minn daru, bla ma jitlaq minnha. Innota d-differenza. Jekk wieħed jitlaq bla mhu biħsiebu jirritorna, iġorr l-għamara u ħwejġu kollha. Jerġa’, għalkemm wieħed jista’ jivvjaġġa u fit-tul u ’l bogħod, xorta waħda taf li ġej lura. Għaliex? Tgħidli, “Għax martu, uliedu u ġidu għadhom f’daru.”

Hekk ukoll, jekk Kristu jirrofta segwaċi (nominali) tiegħu, u jitilqu għalkollox, iġorr miegħu ġidu, id-doni spiritwali, il-grazzji u l-prinċipji tal-ħajja. Imma jista’ jkun assenti fit-tul, u frattant ġidu ħallieh fil-qalb – jekk hemm xewqa u xenqa għalih, għaxqa fih u ammirazzjoni lejh. Tikkonkludi, “Ċertament għad jerġa’ jiġi, għax ħalla kollox warajh.” Qatt ma jiġri illi Kristu jabbanduna wieħed minn tiegħu, li għalih miet; u ta’ dan jagħtina evidenza għax imqar waqt żmien ta’ twiddib, iħalli l-għamara spiritwali warajh. 

Meta Alla jitlaq minn magħna temporanjament, bla ma nħossuh bħal qabel, dan iservina bħala dixxiplina. Peress li hu Missierna, jekk jaħbi wiċċu minn uliedu, jaġixxi hekk bl-imħabba. L-abbandun temporanju hu esperjenza nikkieta, purgatorju qasir. Meta x-xemx tirtira wara l-muntanji, u ma narawhiex aktar, imbagħad tinżel in-nida. U meta s-sema jinfoska bis-sħab, tista’ tidher il-qawsalla, kollha għeliem tal-imħabba paternali lejna. 

Imma kif tiswielna t-tali esperjenza qarsa? Kun ċert, l-ewwel nett: Alla jaf kif jittratta magħna, u għerfu ma jitfissirx. Il-lejl u d-dellijiet huma ta’ benefiċċju għall-fjuri, u dawl il-qamar u n-nida huma aħjar minn xemx kontinwa. Hekk l-assenza ta’ Kristu għandha utilità speċjali: tfornina b’virtù u nutriment għal ruħna, tagħti t-tira lill-umiltà, issinn il-ġuħ u l-għatx tagħna għal Alla l-ħaj, tforni qasam sabiħ fejn il-fidi tista’ timraħ, u teżerċita s-swaba’ u l-idejn filli taqbad miegħu bla ma tarah, għax aħna jmissna dejjem nimxu bl-afdar tagħna fih, mhux bil-viżjoni u bis-sentimenti.

Jista’ jwarrab minna għal ftit, u frattant ma jitlaqniex għal dejjem, daqskemm omm ma tarmix lil binha ż-żgħir u tinsieh. Ġieli tippermettilu jaqa’ darba jew darbtejn biex tevitalu milli jaqa’ kontinwament. Hekk Alla jinqeda biż-żelqiet tagħna biex jikkonvinċina kemm għandna xeħta neqirdu lilna nfusna, u hekk jgħallimna nafdawh u mmilu fuqu għall-futur. “Jien drabtu,” jgħid, “u jien se nfejqu.”

Talba: “Indubjament int Missierna, o Alla tas-sema u l-art. Bis-saħħa tal-medjazzjoni ta’ Ibnek nersqu lejk. Int tafna, int il-Feddej tagħna; minn dejjem int għaraftna b’imħabba speċjali. Għaliex, mela, o Mulej, ħallejtna noħorġu minn triqatek, u webbist qalbna biex ma nibżgħux minnek? Erġa’ ejja minħabba l-qaddejja tiegħek. Onfoħ l-Ispirtu tal-ħajja fuqna lkoll; f’isem Ibnek l-għażiż. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...