Skip to main content

Imħabba Infallibbli

“Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Tribulazzjoni jew diqa jew persekuzzjoni jew għaks jew għera jew periklu jew sejf? Bħalma hu miktub: ‘Minħabba fik niffaċċjaw il-mewt il-jum kollu; aħna stmati bħala nagħaġ għat-tbiċċir.’ Għall-kuntrarju, f’dawn il-ħwejjeġ kollha aħna aktar minn konkwistaturi permezz ta’ dak li ħabbna. Għax ninsab konvint illi la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-ħakkiema, la l-ħwejjeġ preżenti, la l-ħwejjeġ futuri, la s-setgħat, la l-għoli, la l-fond u lanqas kwalunkwe ħlejqa oħra mhi ħa tkun kapaċi tifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù Sidna” (Rumani 8:35-39).

M’aħniex bħal dawk li jparlaw fil-vojt u jgħidu illi Alla jista’ jhennik bit-tagħrif tas-salvazzjoni, biex jixkanak l-għada, jew jinkurunak bit-tjieba eterna tiegħu, biex jiċħadhielek il-ġimgħa d-dieħla. 

It-tali idea hi dijametralment opposta għall-enfasi u l-ispirtu tat-Testment il-Ġdid. X’dottrina aktar patetika jista’ jkun hemm minn din: filli int fi stat ta’ ħajja, u filli tintrema’ fi stat ta’ mewt; filli protett bil-grazzja, u filli priv minnha; filli tinsab fl-Art Imwiegħda, u filli fix-xagħri; filli llum int abitazzjoni għal Alla, u filli għada ssir sinagoga satanika; filli għandek iċ-ċagħqa bajda tal-assoluzzjoni, u filli għada tirċievi l-ġebla sewda tal-kundanna; filli llum tinsab fi ħdan il-Feddej, u filli għadha ssib ruħek taħt il-granfi tax-xitan; filli int reċipjent ta’ ġieħ, u fid-daqqa u l-ħin issir reċipjent ta’ għadab; filli int il-magħżul, il-maħbub u l-imsejjaħ tal-Missier, u filli tisfa rroftat u mistmerr; filli għandek ismek imniżżel fi ktieb il-ħajja, u filli jkun imħassar. 

Hekk tgħid id-dottrina Arminjana, intiża biex tħalli r-ruħ fi stat ta’ dubju u tregħid, itterter u tingħi fl-inċertezza. Minn dan ir-raġunament uman il-Kristjan imissu jwarrab. Is-salvazzjoni ma tiddependix fuqna nfusna, iżda fuq l-istabbiltà u l-infallibbiltà tal-għan t’Alla. Tistrieħ fuq l-effikaċja tar-riparazzjoni ta’ Kristu fuq il-Golgota. Tiddependi fuq it-tiġdid u s-setgħa tal-Ispirtu s-Santu li jopera fi qlubna sa jum il-fidwa finali. 

Ftakar il-wegħda fuq fomm il-Feddej, “Jien nagħtihom il-ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt; ħadd mhu se jaħtafhomli minn idi. Missieri, li tahomli, hu ikbar minn kulħadd; ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier” (Ġwanni 10:28-29). Kif jafferma Pietru, aħna miżmumin, qisna bi gwarniġġjon, bis-setgħa omnipotenti t’Alla permezz tal-fidi għas-salvazzjoni li se tidher fl-aħħar waqt (1 Pietru 1:5). 

Luteru jpoġġina fid-direzzjoni t-tajba. “L-Iskrittura kollha,” jgħarrafna, “timmira prinċipalment biex tagħtina ħalli ma niddubitawx, iżda aktarx tħajjarna nittamaw, tistedinna nafdaw, tikkmandana nemmnu, illi Alla hu Alla ħanin, ġeneruż, grazzjuż u paċenzjuż ma’ niesu.”

Talba: “X’ħażna ta’ ħniena ineżawribbli nsibu fik, Missierna! Għax il-muntanji jistgħu jitilqu u l-għoljiet jitheżhżu, iżda mħabbtek ma titħarrikx minn magħna, u lanqas il-patt tas-sliem tiegħek ma jiċċaqlaq. Grazzi talli ma ħallejtniex bejn ħalltejn fejn ninsabu miegħek. Ħa nkunu bieżla u ħerqana biex nimxu fil-mogħdijiet ġusti tiegħek, għas-sebħ tas-Salvatur tagħna, Ibnek Ġesù. Ammen.” 

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...