Skip to main content

Il-Qanpiena tal-Allarm

“Ibni, ħsiebek f’għerfi, mejjel widintek għal dehni. Biex tagħraf taħseb, u xofftejk iħarsu l-għerf. Għax xofftejn il-mara adultera iqattru l-għasel, u fommha oħla miż-żejt, iżda fl-aħħar tagħha morr daqs l-assenzju, daqs sejf b’żewġt ixfar jaqta’. Riġlejha neżlin lejn il-mewt; lejn Xeol jieħu l-mixi tagħha. Xejn ma tqisha triq il-ħajja, il-mixi tagħha ’l hawn u ’l hemm, u ma tafx fejn sejra. Isimgħuni, issa, uliedi, u minn kliem fommi la titwarrbux. Biegħed triqtek minnha, u tersaqx lejn bieb darha, biex fjur żgħożitek ma tagħtihx f’idejn ħaddieħor, u f’idejn wieħed kiefer sninek; biex il-barranin ma jimtlewx b’ġidek, u t-taħbit tiegħek imur f’dar ħaddieħor. U fl-aħħar tiegħek inti tokrob, meta laħmek u ġismek ikunu kkonsmati; u tgħid: ‘Kif bgħadt it-tagħlim, u kif qalbi setgħet tistmell it-twiddib, u ma smajtx kliem min kien jgħallimni, u lanqas tajt widen għal min kien iwissini! Għal ftit ma waqgħitx fuqi l-aqwa ħsara, f’nofs il-laqgħa u l-ġemgħa!’” (Proverbji 5:1-14).

Qiegħed tagħti widen għat-twissijiet ta’ nies li ġarrbu l-qerq, il-valenu u l-korruzzjoni tad-dinja? Wieħed narratur għarrafna kif darba waħħlu qanpiena fuq sikka perikoluża fl-oċean, qrib rotta ta’ navigazzjoni. Malli l-imwieġ jogħlew kienu jolqtu l-qanpiena, tibda ddoqq u hekk twissi l-baħħara resqin. F’okkażżjoni minnhom, xi pirati neħħew il-qanpiena u magħha allura neħħew it-twissija. Ma għaddewx bosta xhur qabel dawn l-istess sibbiena nkaljaw mas-sikka, u għerqu lkoll. 

Kemm hawn fostna li jaraw x’jagħmlu biex isikktu leħen l-avvertiment! Jaraw kif iberrdu x-xhieda tal-kuxjenza, isoddu widnejhom għaċ-ċanfira ta’ ħaddieħor, biex wara li tiskot it-twissija, ma jdumux wisq ma jinnawfragaw mal-blat tat-tiġrib u jintilfu għal dejjem.

Jekk il-ġenituri tiegħek jew sħabek ixjeħ minnek għandhom l-esperjenza qarsa dwar x’toffri d-dinja, u qed jipprovaw jiftħulek għajnejk bil-quddiem, tkunx bla dehen u taħseb li qed itellfulek il-ġost tal-ħajja. Veru, id-dnub fih il-pjaċir tiegħu, iżda jgħaddi f’ħakka t’għajn; mill-banda l-oħra, il-paga mħallsa mid-dnub hi mewt eterna, u minn din id-dinja stess tibda dduq mill-imrar tagħha. 

Pietru Walden, merkant ta’ Lyons, jara wieħed jaqa’ u jmut soptu fit-triq, u jmur id-dar u jindem. Ħajtu nbidlet mil-lejl għan-nhar, u saħansitra sar predikatur, il-missier u fondatur tal-moviment magħruf bħala l-Valdiżi. Hu dejjem profitabbli tirċievi twissija, anke jekk bla kliem, anke jekk mill-ħsara fuq ħaddieħor. Tara mewthom u timminda; taħseb x’ġara lilhom li jista’ faċilment jiġri lilek.

Taħsibx li tista’ tinbex il-lifgħa bla ma tingidem, jew tilgħab man-nar u ma tinħaraqx. Tbiegħed mela minn kull okkażżjoni jew kull persuna li tista’ tħajrek għal ħsibijiet u atti moqżieża. Ir-riedni jinsabu f’idejk: tersaqx lejn il-bieb tal-mara adultera. Biżżejjed għandek il-passjonijiet ta’ ġismek stess biex tissielet kontrihom. Titfax ħatab fuq in-nar li diġà qed jaqbad ġo fik.

Talba: “Mulej, meta tittestjana ftakar li aħna trab, għax l-ispirtu jrid iżda l-ġisem hu debboli. Kun magħna meta tgħaddina regolarment min-nar tal-prova, biex noħorġu msoffija u mhux imdewba. Issodana fuq il-blata unika tas-salvazzjoni tagħna; mexxina fil-mogħdija tal-ġustizzja, f’ġieħ ismek, triplament qaddis. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...