Skip to main content

Eħ Dik il-Biċċa Tonn!

“Min jgħasses fommu jippriżerva ħajtu, iżda min xofftejh jiftaħ beraħ, ħażin għalih. Min jistor il-ħtija, irid il-ħbubija, iżda min itenni l-ħtija, ibiegħed il-ħabib. Min jaqla’ l-qlajja jikxef sigrieti; għalhekk la tagħmilhiex ma’ min xofftejh dejjem miftuħa. La tqasqasx fuq il-qaddej ma’ sidu, li ma jisħikx u tinsab ħati” (Proverbji 13:3; 17:9; 20:19; 30:10). 

Il-Kristjani jidinbu kontra xulxin u joffendu wieħed lill-ieħor. M’għandikx għalfejn tiskandalizza ruħek għal din l-istqarrija. Ħares lejk innifsek: int tammetti dgħufijietek, u kemm-il darba tidneb kontra Alla u l-proxxmu. Ma tifhimx, mela, li ħaddieħor hu wkoll midneb u dgħajjef bħalek? Xi darba jew oħra se nirfsu fuq il-kallu ta’ xulxin, inweġġgħu lil xulxin, u allura neħtieġu t-tolleranza reċiproka. Il-vokazzjoni tagħna tinkludi illi “b’kull umiltà u manswetudini, bil-paċenzja, nissaportu ’l xulxin fl-imħabba, u nħabirku ħalli nippriżervaw l-unità tal-Ispirtu fir-rabta tas-sliem” (Efesin 4:2-3).

Kull Kristjan għandu jfittex b’qalbu kollha l-ħbiberija tal-aħwa. “Finalment,” aħna istruwiti, “kunu lkoll armonjużi, simpatetiċi, tħobbu ’ll-aħwa, kumpassjonali u umli fil-moħħ. Tpattux ħażen għal ħażen jew insult għal insult, imma għall-kuntrarju, bierku, għax għal dan kontu msejħin, sabiex tirtu barka” (1 Pietru 3:8-9). 

Id-dixxiplu matur jaf kif għandu jġib ruħu. Meta ħuh jidneb kontrih, ifittex b’ħiltu kollha r-rikonċiljazzjoni. Ma joqgħodx ixandar il-ħtija ta’ ħuh. Ma joqgħodx jiġri minn hawn għal hemm jirrepeti u jtenni l-iżbalji tal-ieħor. Jekk jagħmel hekk, dan ikun garanzija ta’ firda u dissens. 

Xi dnub misħut hu t-tqasqis! L-akbar ħbieb tbiegħdu minn xulxin għaliex id-dnubiet tal-passat ma ndifnux. 

Talba: “Missieri, għajn perenni ta’ kull tjieba u barka, fil-ħniena u l-fedeltà tiegħek lejja, ħarisli qalbi u lsieni, biex ma nkunx ħati ta’ tqasqis jew kwalunkwe nuqqas ieħor ta’ fommi. Agħmilni, minflok, strument ta’ sliem, biex fejn hemm suspetti u nuqqas ta’ qbil nintroduċi l-assigurazzjoni ta’ mħabbtek. F’isem Ibnek Ġesù nitolbok.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...