Skip to main content

Adorazzjoni lil Alla

“Faħħru l-Mulej! Faħħru, o qaddejja tal-Mulej, faħħru isem il-Mulej. Ikun imbierek isem il-Mulej, minn issa u għal dejjem! Minn tlugħ ix-xemx sakemm tinżel, isem il-Mulej għandu jkun imfaħħar. Il-Mulej għoli fuq il-ġnus kollha, u l-glorja tiegħu fuq is-smewwiet. Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed fuq it-tron fil-għoli, li jħares ’l isfel biex jara l-ħwejjeġ li huma fis-smewwiet, u fuq l-art!” (Salmi 113:1-6).

Il-Monarka universali, imlibbes bil-maestà, jikkondixxendi lejna. Għalfejn is-sejħiet għall-qima huma tant ripetuti, imxerrda mas-Salterju kollu? M’għandniex għalfejn noffendu ruħna. Irridu min ifakkarna urġentement u kontinwament dwar il-privileġġ kbir u solenni tal-fidi tagħna: li nfaħħru u nbierku ’ll-Mulej, bla ma naqtgħu.

Kultant irridu nirdoppjaw jew anke nittriplaw is-sejħiet ħerqana għal dad-dover. It-tifħir hu ministeru eċċellenti, imma l-qalb, għalkemm imġedda, ġieli tqisu bħala piż, xi ħaġa superfluwa. Il-lingwa sikwit tinstab vejjikolu poveru għall-espressjoni, speċjalment meta r-ruħ titkebbes bil-gratitudni. Id-diskors hu adegwat għall-ġudizzju biered u t-taħdit kwotidjan tagħna; meta ħsibijietna jitgħabbew bit-tifħir dahar il-lingwa jinqasam.

Frattant huwa d-dmir morali tal-bnedmin kollha li jgħarrfu u jonoraw isem il-Mulej. Hu speċjalment is-sejħa tagħna l-mifdija, li sirna qaddejja, biex bil-kariga u l-professjoni tagħna ma nibqgħux siekta fuq dit-tema glorjuża, skont kif imħabbar minn qabel fil-profeti, illi minn tlugħ ix-xemx sal-għabex isem il-Mulej għad ikun imsebbaħ fost il-ġnus (Malakija 1:11).

Nistgħu ngħidu li aħna qaddejja voluntarji tal-Mulej? Erfajna l-madmad bħala voluntiera? Il-Mulej ma jridx merċenarji miegħu; ma jimponi ebda toqol fuqna ħlief dak li nerfgħu minn rajna.

Jista’ jkun li għandna qlub ilventi, diliġenti u lħiħa fil-kawża tagħna stess, imma mbagħad qlub kajmana, negliġenti u mħeddla f’xogħol il-Mulej? It-tempju dam biex reġa’ nbena, u safa traskurat, għax in-nies aktar kienu ffissati jibnu djar taċ-ċedru għalihom infushom. Il-Mulej ma jridx fetta għalih u l-kejk għalina, siegħa għalih u l-bqija tal-ġurnata għalina. Aħna l-possediment tiegħu. Infaħħruh fil-ħajja u l-mewt, fid-dieqa u l-ferħ.

Talba: “Int qaddis, qaddis, qaddis, o Sid Alla, l-Omnipotenti, dak li kien, u dak li hu, u dak li ġej. Nagħtuk glorja, unur u ringrazzjament, lilek bilqiegħda fuq it-tron, lilek li int minn dejjem għal dejjem. Naduraw lilek, il-Ħaj u s-sors ta’ kull ħajja. Denju int, is-Sid u Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħwejjeġ kollha, u minħabba l-volontà tiegħek nħolqu u jeżistu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...