Skip to main content

Żomm il-Fjamma Mixgħula

“Għaldaqstant, maħbubin, ladarba qed tistennew dan, ħabirku ħalli tinstabu minnu fis-sliem, bla tebgħa u bla difett. Qisu l-paċenzja ta’ Sidna bħala salvazzjoni, bħalma wkoll il-maħbub ħuna Pawlu, skont l-għerf mogħti lilu, kitbilkom, bħalma fl-epistoli kollha tiegħu jitkellem fihom dwar dawn il-ħwejjeġ. Fihom hemm xi affarijiet diffiċli biex tifhimhom, li dawk injoranti u instabbli jgħawġuhom, bħalma jittrattaw ukoll il-bqija tal-Iskritturi, għall-qirda tagħhom stess. Intom mela, maħbubin, billi tafu dan diġà, għassu sabiex ma tinġarrux mill-errur tan-nies bla liġi u taqgħu mis-sodizza tagħkom. Imma ikbru fil-grazzja u t-tagħrif ta’ Sidna u s-Salvatur Ġesù Kristu. Lilu tkun il-glorja kemm issa u għal dejjem! Ammen” (2 Pietru 3:14-18).

Ħa nkunu konxji tal-periklu quddiemna. Dejjem għandna xeħta nitkaxkru lil hemm bl-errur tax-xitan, jew naqgħu mill-qagħda stabbli tagħna, u l-fidi tagħna f’Ġesù tibred. Minħabba f’hekk il-Bibbja regolarment twissina u teżortana biex neżerċitaw ruħna fit-tjieba. 

Ejjew nissaraw mal-Mulej, li ma tmurx il-grazzja tiegħu titgħaxxex fina u nonqsu milli nqanqluha fi fjamma. Dejjem hemm iċ-ċans illi jdejna u riġlejna jintelqu, irkopptejna jitriegħdu. Ir-rimedju hu wieħed: nitqawwew fil-grazzja billi nikbru fiha.

Hemm konnessjoni inseparabbli bejn il-grazzja u Ġesù, it-tagħrif u l-kobor, jew żvilupp spiritwali. Impossibbli navvanzaw fil-grazzja mingħajr ma nsiru nafu lil Ġesù aktar intimament. Aktar ma tikber fir-Ras, Kristu, aktar taqta’ jiesek minnek innifsek, aktar tidbiel l-arroganza u l-kburija, u aktar ma ssib ebda pjaċir fil-ħażen.

Meta nikbru u nesperjenzaw il-grazzja divina fi Kristu tkun qed tingħatalna ħniena speċjali. F’din tikkonsisti l-barka preżenti tagħna, il-ferħ u s-sliem tagħna. 

Il-grazzja hi illimitabbli. Aktar ma ngawduha aktar jinħoloq fina għatx għal iżjed, biex nesperjenzawha fil-fond. Allura nitgħallmu nużaw sewwa l-mezzi tal-grazzja – it-talb, il-qari u l-meditazzjoni tal-Iskrittura, ix-xirka bejn l-aħwa u l-parteċipazzjoni tagħna fl-Ikla tal-Mulej. 

Talba: “Missierna, minn trabi fl-immaturità qed tavvanzana fl-imħabba, lejn l-unità tal-fidi u t-tagħrif ta’ Ibnek Ġesù, sal-miżura tal-istatura tal-milja ta’ Kristu. Nagħrfu xogħlok fina, u allura t-tifħir, l-unur u l-ġieħ nagħtuhom lilek, Alla setgħani u ħanin! Ammen, issa u għal dejjem.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...