Skip to main content

Xejn Mhu Moħbi mill-Mulej

“Għemil il-bniedem quddiem il-Mulej, u jqis il-mixi kollu tiegħu. Għajnejn il-Mulej huma kullimkien, iħarsu lejn il-ħżiena u t-tajbin. Xeol u l-abbiss huma quddiem il-Mulej; kemm iktar mela qlub ulied il-bnedmin! Eħles lil dawk li huma meħudin għall-mewt, u għin lil dawk li se joqtluhom. Jekk int tgħid, ‘Ara, ma konniex nafu dan!’ Jaqaw dak li jiżen il-qlub ma jintebaħx b’dan? U min hu għassa ta’ ruħek ma jafx b’dan? U mhux lil kulħadd irodd dak li ħaqqu skont għemilu?” (Proverbji 5:21; 15:3,11; 24:11-12).

Ħa jkun imfaħħar Alla li jara kollox! Xejn ma hemm fis-sema u fl-art moħbi mill-ħarsa penetranti tiegħu.

Wieħed raġel mar jisraq iż-żara’ mill-għalqa ta’ sieħbu. Ħa miegħu liċ-ċkejken ibnu biex joqgħodlu għassa, biex fil-każ li jkun ġej xi ħadd, jagħmillu sinjal. Qabel ma qabeż fl-għalqa, ħares lejn ix-xellug u lejn il-lemin, xiref ukoll warajh u quddiemu, u billi ma ra ’l ħadd, medd idejh biex jimla’ ċ-ċurniena. 

Kif kien se jmiss iż-żara’, ibnu għajjat, “Pa, hemm direzzjoni minnhom li bqajt ma ħaristx lejha!”

Il-missier issuppona li ġej xi ħadd, u ddomanda mingħand ibnu x’irid ifisser. 

Ibnu qallu, “Insejt tħares ’il fuq!”

Milqut fil-kuxjenza, il-missier qabad lil ibnu minn idu u għaġġel lura d-dar biċ-ċurniena vojta.

“Għajnejn il-Mulej huma kullimkien.” It-trasgressur jistaħba, jitbiegħed mid-dawl għax jibża’, iżda kull mossa tiegħu inutli – id-dlam ma jistax jaħbih minn Alla. Bħalma Adam u Eva staħbew qalb is-siġar meta dinbu, hekk il-bniedem illum jistaħba mill-Ħallieq tiegħu minħabba ħżunitu. Fl-oxxenità tiegħu jikkonkludi li m’hemmx Alla, jew li l-Infern jinsab f’did-dinja. Oħrajn jistaħbew wara l-opri reliġjużi tagħhom, mingħalihom jistgħu jraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Iżda ħa jkunu jafu lkoll il-bluha tagħhom: “Għajnejn il-Mulej huma kullimkien, iħarsu lejn il-ħżiena u t-tajbin.” 

Filwaqt li dal-fatt jinstab ta’ twerwir għall-ħżiena, għalik – jekk inti ħrabt għall-kenn fi Kristu l-Feddej – għandu jkun faraġ tremend. Alla jafek. Jaf id-dwejjaq u l-ferħ tiegħek, il-biżgħat u l-bżonnijiet tiegħek. Iva, jaf ukoll meta tiżloq u tidneb kontrih. Minkejja dan kollu, jibqa’ jħobbok. “Jekk qalbna ċċanfarna, Alla hu akbar minn qalbna, u jaf kollox” (1 Ġwanni 3:20). Ħabib, ħares lejn il-Mulej li dejjem żamm għajnejh fuqek, u fittex mingħandu l-maħfra, ħalli jkollok il-biża’ tiegħu u tagħraf timxi fi triqatu.

Talba: “Għarbilni, o Mulej, u agħraf lil qalbi; m’hemm xejn li hu mistur jew sigriet għalik. Ġarrabni, mela, u kun af ħsibijieti. Ara jekk hemmx xi triq ħażina fija, u agħtini l-kuraġġ naċċetta l-qagħda tiegħi biex b’indiema ndur lejk għall-ħniena, kif ukoll għal riforma u tiġdid spiritwali. Mexxini fit-triq ta’ dejjem.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...