Skip to main content

Missier, Mexxina

“L-art maħruqa ssir għadira, u l-art għatxana għejjun ta’ ilma; u fejn kienu jgħammru x-xakalli, fejn kull wieħed minnhom kien jimtedd, il-ħaxix isir qasab u bordi. U jkun hemm triq ewlenija, triq li tissejjaħ it-triq il-qaddisa; l-imniġġsin ma jgħaddux minn fuqha; iżda tkun għal dawk li jimxu dik it-triq, u l-boloh ma jiġġerrewx fiha. L-ebda ljun ma jkun hemm, u l-ebda dbiba ħarxa ma titla’ minnha, u lanqas jinsabu hemm; iżda l-meħlusin jimxu fiha. U l-mifdijin tal-Mulej jerġgħu lura, u jidħlu Sijon b’għana; u ferħ dejjiem ikun fuq rashom, u jiksbu ferħ u hena, u n-niket u t-tnehid jaħarbu” (Isaija 35:7-10).

It-triq tal-qdusija hi tant dritta u ċara li l-iktar imħuħ sempliċi ma jitfixklux jekk isegwuha kontinwament. L-għorrief tad-dinja jgħawġu u jilwu sikwit fit-toroq tagħhom, u jagħmlu skoss żbalji ħoxnin. Jitilfu d-destinazzjoni tagħhom. Min jimxi skont id-dinja jbati minn vista qasira, u meta tagħżel it-triq tad-dinja twaddbek ġo widien mudlama. Il-Kristjan jaf li l-aħjar ħaġa hi dejjem it-twettiq ferrieħi tal-liġi t’Alla: hekk jibqa’ miexi fit-triq prinċipali, u jibqa’ aċċertat minn protezzjoni rjali. Jekk isofri fiżikament jew materjalment, jaf li qatt mhu se jġarrab telf spiritwali; anzi, ikun qed jaħżen għalih teżori fis-smewwiet.

Qatt tipprova tiżgiċċa minn diffikultà billi tigdeb, jew tagħmel xi att dubjuż, ikun x’ikun. Suq dejjem fil-linja tal-verità u l-integrità, u ma tiġġarrafx żgur. F’ħajjitna qatt m’għandna nistaħbew wara subgħajna. Kun ġust u tibżax. Imxi wara Ġesù Kristu u ħalli l-konsegwenzi f’idejh. Il-ħażin ma jissewwiex bil-ħażin. Il-metodu t’Alla hu dejjem l-aħjar metodu. Imxi fuq il-mudell smewwieti, avolja n-nies tgħaddik biż-żmien u tgħoddok b’iblah.

Talba: “Mulej, int Missier kumpassjonali; tagħder liċ-ċkejknin u maħbubin tiegħek. Mexxi l-qaddejja tiegħek u lili fi triq watja minħabba l-għedewwa tagħna. Tħallihomx jittrijonfaw fuqna; avolja joqtlu l-ġisem tagħna, ħajjitna hi tiegħek u int tqajjem lil ġisimna mill-mewt fl-aħħar jum. Ħalleluja lilek, mill-anġli u l-bnedmin!”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...