Skip to main content

Mill-Priżma tad-Dmugħ

“Għax intom ma rċivejtux spirtu ta’ jasar ħalli terġgħu tibżgħu, iżda rċivejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni, li bih ngħajtu, “Abba! Missier!” L-Ispirtu nnifsu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna illi aħna tfal t’Alla, u jekk tfal, allura werrieta wkoll – werrieta t’Alla, u werrieta flimkien ma’ Kristu, imbasta nbatu miegħu sabiex inkunu glorifikati wkoll miegħu. Nikkonsidra illi s-sofferenzi taż-żmien preżenti mhumiex denji jkunu pparagunati mal-glorja li dalwaqt se tkun irrivelata lilna” (Rumani 8:15-18).

L-evanġelju hu bxara tajba “ta’ ferħ kbir.” Il-ferħ hu s-sigriet tiegħi bħala Kristjan, imma hu sigriet tant massiv u tant infettiv illi impossibbli nżommu mistur. Wieħed mill-fatti l-aktar bizzarri, lil hinn mill-fehma tiegħi, hu proprjament meta niltaqa’ ma’ xi ħadd illi jikklejmja li jagħraf ’l Alla, u frattant qisu ssellef wiċċ Laskri permanentament – kważi jiddispjaċih li ltaqa’ m’Alla. L-assenza virtwali tal-ferħ iġġegħilni nissuspetta li t-tali mingħalih emmen l-evanġelju mentri qed jemmen f’aħbar traġika u katastrofika. 

Ninsab ferħan, mhux għax bħan-nagħma ndeffes rasi fir-ramel u nilgħabha taparsi l-inġustizzja jew it-tbatija ma jeżistux. Ferħan għax ninsab konvint illi l-agħar atroċità umana mhijiex ultima. Kapaċi nifraħ mhux billi naħbi d-dmugħ, imma għax nafferma li l-qabar, darba proprjetà ta’ Ġużeppi minn Arimatea, huwa vojt. Nafferma fatti li huma aktar profondi mid-dmugħ. 

Il-Missier, li jifraħ għal kull ingrat u prodgu li jdur lejh, għażilna għall-ferħ. It-traġitt jista’ jkun iebes. Jiddomanda l-għaraq u d-demm, imma fil-medda tiegħu u sa tmiemu, huwa vjaġġ ta’ ferħ. Jekk il-ħajja hi proverbjalment “wied ta’ dmugħ,” il-grazzja timmotivana biex inkredibbilment nibku bil-ferħ. 

Talba: “Nistqarru, Mulej setgħani, illi nifhmu naqra waħda mill-pjan misterjuż tiegħek. Qed tiżvolġih quddiemna u saħansitra bina. Qed tifformana u tħejjina għall-glorja eterna. Tħalliniex nitgerrxu mit-trattamenti tiegħek magħna, kultant iebsa, għax il-Ġenna narawha aktar ċara mill-priżma tad-dmugħ.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...