Skip to main content

Grazzja u Glorja

“Huma u ħerġin, in-nies appellawlhom biex dawn il-ħwejjeġ jerġgħu jgħidulhomlhom is-Sibt ta’ wara. Meta ġiet xolta il-laqgħa tas-sinagoga, qabda mil-Lhud u mill-prożeliti li kienu jirreveru ’l Alla segwew lil Pawlu u ’l Barnaba, li tkellmu magħhom u pperswadewhom biex jissoktaw fil-grazzja t’Alla. Is-Sibt ta’ wara kważi l-belt kollha nġabret biex tisma’ kelmet Alla. Imma xħin il-Lhud raw il-folol, imtlew bil-ġelosija u bdew jikkontradixxu l-ħwejjeġ mitkellma minn Pawlu, u jivvilifikaw. Imbagħad Pawlu u Barnaba tkellmu bi qlubija u qalu, “Kien neċessarju li kelmet Alla tkun mitkellma lilkom l-ewwel. Ladarba tirroftawha u tiġġudikaw lilkom infuskom bħala mhux denji tal-ħajja eterna, issa se nduru lejn il-Ġentili. Għax hekk ikkmandana s-Sid: ‘Qegħidtek bħala dawl għall-Ġentili biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.” Meta l-Ġentili semgħu dan, ferħu u gglorifikaw kelmet is-Sid; u emmnu dawk kollha li kienu maħturin għall-ħajja eterna. Kelmet is-Sid kienet qed tkun imferrxa matul ir-reġjun kollu” (Atti 13:42-48).

Il-grazzja u l-glorja ftit differenti minn xulxin: il-grazzja hi ż-żerriegħa, il-glorja hi l-fjura tagħha. Il-grazzja hi l-glorja militanti; il-glorja hi l-grazzja trijonfanti. Huwa xogħol wisq akbar u iżjed meraviljuż illi Alla jġibna minn stat ta’ telfien għal stat ta’ grazzja miegħu, milli minn stat ta’ grazzja jwasssalna għall-istat tal-glorja fil-Ġenna; għax id-dnub hu wisq aktar imbiegħed mill-grazzja milli l-grazzja mill-glorja. 

Daparti tagħna, aktar ma ngħumu fil-grazzja aktar napprezzawha u nirrispondu għaliha. Bħalma x-xmajjar, aktar ma joqorbu lejn l-oċean, aktar joktru fl-ilmijiet, u jgħaġġlu fil-kurrent tagħhom, hekk il-grazzja tnixxi aktar liberament u b’enerġija aktar ma noqorbu lejn l-oċean tal-glorja. 

Tippossiedi dil-grazzja? Il-kobor fil-grazzja hu l-aħjar evidenza dwar il-ġenwinità tagħha fik; ħwejjeġ bla ħajja ma jikbrux. Issa l-grazzja timmatura, tiżviluppa u tibdlek hekk kif l-imħabba lejn il-Kelma t’Alla tikber f’qalbek; u l-aħjar manjiera ta’ kobor huwa li tiċkien f’għajnejk stess. 

Ħsieb aħħari: il-grazzja hi salvivika, fiha nfisha. Jekk tkun dgħajfa timmotivana biex nagħmlu ċerti ħwejjeġ għall-Mulej, iżda hi biss grazzja qawwija li twassalna biex immutu għall-Mulej. Frattant ejjew neżerċitaw ruħna biex “nissoktaw fil-grazzja t’Alla.”

Talba: “Mulej, inkun agħar minn bhima jekk nirgħeb għall-possedimenti materjali u nibqa’ priv mill-grazzja tiegħek. Eħlisni mill-ġenn u l-bluha; agħtini qalb li tfittxek u tixxennaq għalik, għax fil-preżenza tiegħek hemm il-milja tal-ħajja u l-appan ta’ kull feliċità. Għaġġel agħmel dan, f’ġieħ ismek il-kbir. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...