Skip to main content

Entrapriża b'Enerġija

“L-aħwa, jien ma nikkonsidrax lili nnifsi li diġà qbadtu. Imma ħaġa waħda nagħmel: ninsa l-ħwejjeġ li jinsabu warajja u niġġebbed għall-ħwejjeġ quddiemi. Qed nisforza lejn l-objettiv għall-premju tas-sejħa t’hemm fuq mingħand Alla fi Kristu Ġesù. Dawk kollha li huma maturi fostna jmisshom jadottaw dil-perspettiva. U jekk f’xi ħaġa għandkom fehma differenti, dan ukoll Alla se jiżvelalkom. Biss ħa nissoktaw ngħixu skont l-istandard li diġà lħaqna” (Filippin 3:13-16).

Jekk tistma individwu kif inhu, jibqa’ kif ikun, imma jekk tittrattah bħallikieku sar x’jista’ jkun, isir dak li jista’ jkun. F’dar-rigward l-atteġġjament hu importantissmu. 

Mill-istess tieqa ta’ ħabs, wieħed jara t-tajn fil-bitħa, l-ieħor il-kwiekeb fis-sema. Jekk bħalissa nixbah lil dak li josserva biss it-tajn, hemm bżonn bidla radikali fija. Ħadd ma jieħu pjaċir bil-bidliet, għax jinvolvu sfidi u pjanar. Nistgħu ngħidu li l-unika persuna li tieħu pjaċir b’tibdila hi tarbija bil-ħarqa għasra. Il-bqija, aħna lkoll irridu nilqgħu l-isfida – fejn m’hemmx kambjament m’hemmx ħajja. Huwa diffiċli neffettwa l-bidla jekk ma nħossx bżonn jagħfas fuqi u jkiddni biex ninbidel. 

Frattant ma rridx inħalli dak li ma nistax nagħmel jinterfieri ma’ dak li kapaċi nagħmel. Irrid nipprova. Nagħmel it-tentattivi tiegħi. Jekk ma nagħtix is-salt biex nagħmel xi ħaġa lil hinn minn dak li diġà tgħallimt, ma nikber qatt. Ma nistax ngħid li għandi viżjoni għax sempliċement għandi idea. Jekk ma nirriskjax, probabbilment għandi biss idea.

L-aħħar kelma nagħtuha lil Tukidide. “L-aktar qalbiena ċertament huma dawk li għandhom l-iżjed viżjoni ċara ta’ x’hemm quddiemhom, sew jekk hi glorja jew inkella periklu. Frattant, minkejja kollox, jimmarċjaw biex jilqgħuh.”

Talba: “Missier għaref u twajjeb, int qabbadtna t-triq li twassal għall-ħajja, bil-merti ta’ Ibnek Ġesù. Nitolbuk għaldaqstant sabiex insiru nies avventurużi, illi kapaċi nidħlu f’entrapriżi, nieħdu riskji u lesti ninbidlu. O li l-bidla tagħna fix-xbieha tal-Feddej tagħna tkun evidenti fina, u dejjem tissaħħaħ minn grad ta’ glorja għall-ieħor.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...