Skip to main content

Bix-Xorti jew bix-Xettru?

“Il-ħsibijiet tal-qalb huma tal-bniedem, iżda t-tweġiba tal-ilsien mingħand il-Mulej. Qalb il-bniedem taħseb fi triqtu, iżda l-Mulej imexxilu riġlejh. Ix-xorti tintefa’ fil-ħoġor, iżda min jaqta’ kollox hu l-Mulej. Ix-xorti twaqqaf il-ġlied u tiddeċiedi bejn is-setgħana. Ħafna ħsibijiet hemm f’qalb il-bniedem, iżda hi l-fehma tal-Mulej li sseħħ. Il-passi tal-bniedem jidderigihom il-Mulej; kif mela l-bniedem jista’ jifhem x’għandu jgħaddi mingħalih? Qalb is-sultan f’id il-Mulej bħax-xmajjar tal-ilma; kull fejn jogħġbu jdawwarha” (Proverbji 16:1,9,33; 18:18; 19:21; 20:24; 21:1).

Sikwit nisimgħu u saħansitra aħna stess ngħidu diskors bħal dan li ġej: “Ara x’kumbinazzjoni kelli niltaqa’ miegħek!” Jew, “Kont nippassiġġa u nzerta rajt aċċident stradali.” Jew, “X’żinn dak, konna qegħdin nilagħbu u d-dada ġietni l-istess numru għal erba’ darbiet wara xulxin.” Inkunu qed nammettu li m’għandna ebda kontroll fuq ħafna ċirkostanzi, sempliċement ngħaddu minnhom mingħajr ma niddeċiedu xejn minn qabel. Il-vista tagħna qasira u ma narawx ’il bogħod. Għaldaqstant nibqgħu mbellha meta dak li qatt ma konna nippretendu jseħħ quddiem għajnejna. Ħwejjeġ tant misterjużi, illi nwaħħlu fix-xorti, jew fortuna.

L-Iskrittura turina minn verament jieħu kull deċiżjoni li għalik tidher remota jew mhix importanti. “Ix-xorti tintefa’ fil-ħoġor, iżda min jaqta’ kollox hu l-Mulej.” Huwa l-Mulej, Sid is-sema u l-art, illi jidderieġi kollox, anke l-irqaqat u dettalji li għalik jidhru fortuwiti, bla skop ta’ xejn. Għall-Mulej m’hemm xejn li ma jikkontrollahx, bħallikieku lil hinn mit-treġija tiegħu. Iva, anke d-dada tal-logħob, tiġi fuq in-numru ħamsa jew tnejn jew sitta għax tkun id-deċiżjoni tiegħu. Għerf bħal dan hu għoli wisq għalina, u ma nistgħux inlaħħqu miegħu. B’daqshekk ma jfissirx li ma nistgħux niggwadanjaw minn dal-fatt meraviljuż. 

Għal min jemmen, il-Kelma divina hi biżżejjed. Allura jekk Alla jikkontrolla kull deċiżjoni, importanti jew le, ma taħsibx li għandek tafdah f’kull deċiżjoni li int kostrett tieħu? Jekk sempliċi werqa ma taqax wiċċha ’l isfel jekk ikun qatagħha li taqa’ wiċċha ’l fuq, għaliex m’għandikx tistrieħ fih u temmen li ebda ħsara ma tiġrilek jekk ma tkunx id-deċiżjoni tiegħu hekk? Il-Mulej ma ċediex il-gvern tiegħu; serraħ qalbek fih. Inħeba fih. Tgħallem sib rifuġju fih bħala l-fortizza u s-sur sħiħ li qatt ma jċedi.

“Ix-xorti tintefa’ fil-ħoġor, iżda min jaqta’ kollox hu l-Mulej.” Mela issa li temmen dan, idra għid, “Il-Mulej iberikkom!” u mhux, “Good luck” lill-istudenti deħlin għall-eżami, jew lill-koppja għadha kemm tiżżewweġ. U lil min qed igawdi r-risq, għidlu, “Ħa jkompli miegħek il-Mulej!” u mhux, “Kemm int iffortunat!” Għax, “ix-xorti tintefa’ fil-ħoġor, iżda min jaqta’ kollox hu l-Mulej.”

Talba: “Missierna smewwieti, jekk lanqas għasfur tal-bejt ma jaqax mal-art mingħajr ir-rieda tiegħek, kemm għandu jkollna fiduċja fik! Int taħkem minn fuq it-tron sovran tiegħek, u m’hemm xejn li jista’ jżommlok idek jew jistaqsik x’int tagħmel. Għaldaqstant aħna nfaħħruk; aħbina fik, ipproteġina u ħarisna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...