Skip to main content

Treddin jew Tħabrik?

“F’kull taħbit hemm il-qliegħ, iżda fit-tlablib hemm l-għaks. Kun af tajjeb kif inhuma l-għanem tiegħek, u ħu ħsieb l-imrieħel tiegħek. Għax l-għana ma jibqax għal dejjem, u lanqas kuruna ma ddum minn nisel għal nisel. Meta jinħasad il-ħaxix, jidher l-inbiet, u jinġema’ l-ħuxlief tal-muntanji. Il-ħrief jagħtuk l-ilbies u l-bdabad jagħtuk b’kemm tiswa għalqa. U int ikollok ħalib tal-mogħoż biżżejjed għall-ikel tiegħek, għall-ikel ta’ nies darek, u għall-ħajja tax-xbejbiet tiegħek. Min jgħasses it-tina jiekol il-frott tagħha; hekk min jgħasses lil sidu jitweġġaħ” (Proverbji 14:23-27; 27:18). 

Mela darba kien hemm ċorma ġrieden, li ltaqgħu flimkien biex jiftiehmu bejniethom kif se jeħilsu mill-qattus kiefer. Wara strappata diskors, qabeż ġurdien u qal: “Norbtulu ġolġol m’għonqu. Hekk meta jkun ġej, nisimgħu l-ħoss u naħarbu minnufih.” Kulħadd feraħ b’idea tant stupenda, sakemm ġurdien xiħ, qiegħed jissamma’ mir-rokna, interviena u qal: “Min se jmur jorbot il-ġolġol m’għonq il-qattus?” Għal dan il-kliem, kulħadd tbikkem u għalaq ħalqu. Ħadd ma kien lest jissogra ħajtu u jdendel il-ġolġol m’għonq il-qattus.

Din il-ħrafa smajnieha fuq il-bank tal-iskola; tpinġi quddiemna l-verità mgħallma f’dan il-proverbju: “F’kull taħbit hemm il-qliegħ, iżda fit-tlablib kemm l-għaks.” Paroli fil-vojt ma jiswa għal xejn ħlief biex titlef il-ħin. Ix-xogħol ma jsirx bit-tlablib; il-produzzjoni tibqa’ nill bit-tħaddim tal-ilsien. Kemm hu aħjar, minflok tparla u ttaqtaq u tredden, tagħmel xi ħaġa għall-ġid! 

X’int tagħmel fil-prattika biex tagħti sehmek fil-bini tal-knisja ta’ Kristu? Toqgħodx tilmenta li qajla tista’ tagħmel bravuri. Ibda fuq livell baxx, mnejn jibda kulħadd. Għasfur jista’ jaqbad f’munqaru żerriegħa ċkejkna u jtir biha fuq gżira mbiegħda. Hemm iż-żerriegħa tisponta, u tirriproduċi lilha nfisha sakemm eventwalment il-gżira tinkesa bil-fjuri, u tkun konvertita f’pajsaġġ il-ġmiel tiegħu, mimli għaxqa. 

Meta l-agrikulturisti barranin jiddeċiedu li jaqilbu art mogħxa f’mergħa, jagħmlu dan bi prattika msejħa inokulazzjoni, ċoè, ideffsu biċċiet tat-terf fil-ħamrija f’distanzi minn xulxin, u minn dawn iċ-ċentri l-ħaxix jikber u gradatament jestendi f’kull direzzjoni, sakemm il-medda kollha tinkesa bil-ħaxix. Hekk ukoll il-Kristjan, bl-isforzi tiegħu biex jagħmel is-sewwa, jista’ inkonxjament jinfluwenza lil ħaddieħor f’taħbit simili; u huma, daparti tagħhom, jispiraw aktar imħuħ. Minn żerriegħa umli depożitata f’qalb dixxiplu umli, jista’ jikber frott innumerabbli u fjuri ta’ grazzja li jimlew u jżejnu l-knisja t’Alla. 

Imqar Seneka, l-Istojku, jirraġuna sensibbilment meta jgħid, “Min jagħmel il-ġid lil ħaddieħor jagħmel il-ġid ukoll lilu nnifsu, mhux biss fil-konsegwenzi, imma fl-att innifsu; għax il-kuxjenza hienja tal-benefattur tkun premju adegwat.”

Talba: “Missierna fis-smewwiet, il-poplu tiegħek ftit li xejn jeħtieġ kumitati u diskussjonijiet. Wisq anqas għandu bżonn tqasqis, tgergir u ilmentar minn nies li biex ireċplu famużi iżda biex jerfgħu driegħ favur is-sewwa, ikun miraklu. Il-poplu mifdi tal-Mulej jeħtieġ ħaddiema li jgħidu ftit u jaħdmu ħafna. Sawwar minna dat-tip ta’ nies, imħeġġa għall-opri t-tajba, ħabbara tas-sewwa, rikki fl-imħabba reċiproka, u lesti dejjem nestendu lilna nfusna lejn il-mitlufa. F’ġieħ Ibnek, ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issiril...